Il-Baġit, li se jiġi ppreżentat nhar it-Tnejn li ġej, se jkun wieħed li jibqa’ jsostni lill-familji, b’mod partikolari dawk l-aktar vulnerabbli, u lin-negozji. Qal dan il-Prim Ministru Robert Abela matul laqgħa ta’ konsultazzjoni mal-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji dwar il-Baġit għas-sena d-dieħla.
Il-Prim Ministru fisser il-perjodu ta’ wara l-pandemija bħala perjodu importanti hekk kif setturi ewlenin tal-ekonomija Maltija bdew jirkupraw, ewlenin fosthom it-turiżmu u s-suq tax-xogħol. Tenna li issa l-pajjiż jeħtieġ li jħares ’il quddiem u li jittieħdu deċiżjonijiet immirati li jtejbu l-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin.
Dr Abela elenka numru ta’ riformi u inizjattivi biex jissaħħaħ is-suq tax-xogħol. Semma r-riforma fl-istipendji, iċ-Ċentru Tekniku tas-Snajja’ ġdid fl-MCAST u l-introduzzjoni tal-Iskills Passport fil-qasam tal-ospitalità.
Dwar l-inflazzjoni, il-Prim Ministru qal li, fil-Baġit li ġej, il-Gvern se jżomm il-prezzijiet tal-enerġija stabbli, miżura li se tkun qed tolqot kemm lill-famlji kif ukoll lis-sidien tan-negozji.
Dwar l-iżvilupp u l-bini, Dr Abela qal li anke dan is-settur għandu rwol fit-tranżizzjoni ekonomika li għaddej minnha l-pajjiż. Qal li r-riforma fil-liċenzjar tal-kuntratturi hi bidla akkumpanjata minn serjetà u rispett fuq il-lant tax-xogħol, lejn il-ħaddiema u l-ġirien.
Hu temm jgħid li, bħalma tkellem dwar diversi proposti ma’ persuni ġejjin minn faxex differenti tas-soċjetà, hekk ukoll se jkun qed jisma’ lill-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji biex flimkien ifasslu t-triq ’il quddiem.
Preżenti għal din il-laqgħa ta’ konsultazzjoni kien hemm il-Ministri Clyde Caruana u Miriam Dalli, is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul u d-Deputati Alex Muscat u Katya De Giovanni.