Il-Budget għas-sena d-dieħla se jħalli legat għal uliedna, u se jibni pajjiż sostenibbli li jwassal għal tkabbir ekonomiku li jagħti valur lill-ambjent ta’ madwarna.
Hekk kien deskritt il-Budget għas-sena 2022 mill-Prim Ministru ta’ Malta Robert Abela, f’artiklu fuq il-Malta Independent tal-Ħadd, bit-titlu ‘Budget 2022: a legacy for our children’.
Il-Prim Ministru qal kif dan huwa l-akbar Budget soċjali li qatt ġie ppreżentat, fosthom biż-żieda fil-pensjonijiet u aċċess għal mediċini b’xejn.
Dr Abela kiteb kif bil-miżuri mħabbra fil-Budget, koppja anzjana li taqla’ pensjoni minima, se taqla’ iżjed minn €1,100. Matul din il-leġislatura, din il-koppja se tkun rat żieda ta’ €3,600, meta mqabbel mal-2017.
Il-Prim Ministru saħaq ukoll kif dan il-Budget se jżid in-nies li jsiru sidien ta’ darhom, foshom b’miżuri bħall-equity sharing u d-depożiti. Dr Abela semma wkoll kif il-Gvern jibqa’ kommess li jżomm bilanċ bejn is-sidien u l-inkwilini.
Il-Prim Ministru qal kif f’żewġ leġislaturi, pajjiżna sar wieħed mill-iżjed pajjiżi fl-Unjoni Ewropea li għandu rata b’saħħitha ta’ nies f’impjieg. Żied kif issa wasal iż-żmien għall-pass li jmiss, li huwa trasformazzjoni sħiħa tal-ħiliet biex il-ħaddiema tagħna jkunu l-mexxejja tal-ekonomija ta’ għada. Dan se jwassal biex jiżdiedu l-pagi mingħajr ma tkun affettwata l-kompetittività tal-pajjiż.
Dr Abela qal kif dan il-Budget qed jinvesti fl-edukazzjoni biex il-ħaddiema jkunu mħejjija għall-ġejjieni. Dan wassal biex saret l-akbar żieda fl-istipendji.
Dr Abela qal kif dan il-Budget se jgħin lil dawk l-aktar beżlin, fosthom bit-tnaqqis tat-taxxa għal dawk li jaħdmu part-time u fuq l-overtime.
Il-Prim Ministru qal kif dawk il-ħaddiema fuq il-paga minima ser jirċievu €450 u matul din il-legislatura se jkunu ngħataw madwar €3,500.
Fl-artiklu, Dr Abela qal li sabiex nibqgħu mexjin ’il quddiem, irridu nibnu l-ekonomija b’infrastruttura b’saħħitha.
Il-Prim Ministru qal kif dan il-Budget huwa l-aktar wieħed favur l-ambjent, fosthom bil-miżura ta’ trasport b’xejn għal kulħadd.
Dr Abela qal kif nazzjon b’saħħtu jinbena fuq ix-xogħol u l-intrapriżi, li jħarsu lejn il-futur b’ottimiżmu.
“Din hija Malta li rridu għal uliedna u dan huwa dak li se jwassal il-budget għas-sena d-dieħla”, temm jgħid il-Prim Ministru f’dan l-artiklu.