“Dan kien Budget li offra serħan il-moħħ lill-familji u lin-negozji Maltin.”
Dan kien il-messaġġ ewlieni li ħareġ waqt konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Laburista, li kienet indirizzata mid-Deputat Randolph de Battista u mill-President tal-Partit Laburista, Ramona Attard.
Randolph Debattista semma tkellem dwar kif, xi ħaġa li laqtitu ħafna kienet anzjana li, meta ġiet mistoqsija x’taħseb fuq il-Budget 2023, wieġbet li ħadet gost mhux biss biż-żieda fil-pensjoni imma wkoll b’kif dan il-Budget, b’dak kollu li qed joffri lill-poplu, qed iserraħ moħħ dak li jkun.
Ikkummenta li dan hu l-akbar ċertifikat tal-fatt li dak li qed joffri dan il-Gvern hu bbażat fuq tliet prinċipji: li jkompli jipproteġi lill-familji u lin-negozji, li jkompli jwieżen lil dawk l-aktar li huma fil-bżonn, u li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tan-nies.
Randolph De Battista qal li dan joħroġ mill-fatt li mhux biss ma żdidux il-piżijiet fuq in-nies, talli kull miżura li ġiet implimentata mill-2013 ’l hawn baqa’ għaddej l-impenn fuqhom. Dawn jinkludu ċ-childcare b’xejn, iż-żieda fl-istipendji, u l-ispazji pubbliċi ġodda, fost bosta miżuri oħra.
Huwa qal li n-nies jistennew li l-Gvern jgħin lil kulħadd, b’mod speċjali lil dawk li huma batuti, u l-Gvern hekk qed jagħmel. In-nies jistennew li l-Gvern ikun deċiżiv u jġib lil Malta l-ewwel, kif proprju qed jagħmel dan il-Gvern.
B’kuntrast, irrimarka li meta jħarsu lejn l-Oppożizzjoni, in-nies jippretendu li din tkun magħquda u toffri alternattivi, iżda sfortunatament l-Oppożizzjoni f’dan il-Budget tilfet opportunità oħra biex turi dan.
Min-naħa tagħha, il-President tal-Partit Laburista, Ramona Attard, qalet kif minkejja l-Covid-19 u anke gwerra qribna, pajjiżna baqa’ miexi ’l quddiem. Sostniet li dan hu frott tad-deċiżjoniet meħuda minn dan il-Gvern. Spjegat kif il-Budget 2023,sab lil Malta b’saħħitha u għalhekk ġie ppreżentat pakkett soċjali li hu sod. Huwa wkoll Budget li ppreżenta l-akbar spiża kapitali, l-aktar fl-ambjent, fis-saħħa, u fl-edukazzjoni.
Ramona Attard fakkret li mill-ewwel ftit jiem malli l-poplu ta l-fiduċja lil dan il-Gvern, beda jwettaq dak li wiegħed. Fost ir-riformi li ppreżenta kien hemm dawk tal-femiċidju, tal-IVF, u dik li qed naraw bħalissa dwar il-qbiela.
Il-President tal-PL osservat li, minflok politika ta’ awsterità bħal dik li kien jaffaċċja l-poplu fi żmien il-Gvern preċedenti, dan il-Gvern dejjem jagħżel il-politika tal-fiduċja fin-nies. Dan il-Budget, li hu l-ewwel wieħed minn ħamsa ta’ din il-leġiżlatura, għandu elf proposta li se jkunu qed jissarrfu f’elf kisba għall-ġid ta’ poplu kollu.
Tkellmet dwar kif in-nies jistgħu jaraw id-differenza bejn l-Oppożizzjoni u l-Gvern, bl-Oppożizzjoni turi li hi l-aktar waħda instabbli fl-istorja ta’ pajiżna. Qalet li dan jixhed kif l-Oppożizzjoni żgur mhux forsi mhix kapaċi tmexxi lill-pajjiż, b’mod partikolari fid-dawl tal-ġlied intern fi ħdan il-Partit Nazzjonalista.
B’rabta mal-Pre-Budget Document li ppubblika l-Partit Nazzjonalista, Ramona Attard qalet li dan id-dokument wera kemm il-PN m’għandux politika serja. Wera li mhux talli l-PN mhux lest biex jiggverna, talli lanqas mhu Oppożizzjoni li tixraq lill-poplu.
Hija ddeskriviet ir-reazzjoni ta’ wara l-Budget mill-Kap tal-Oppożizzjoni, Bernard Grech bħala infantile. Għal Bernard Grech, li l-Gvern jgħolli l-pensjonijiet, li l-Gvern jgħin lill-first-time buyers, u anke li jgħin lill-familji li jifilħu l-anqas, ma joffri ebda soluzzjoni.