Il-Prim Ministru Joseph Muscat saħaq li l-budget għas-sena d-dieħla mhu se jieħu xejn mingħand ħadd u jqassam il-ġid għand kulħadd.
Fl-ewwel reazzjoni tiegħu wara d-diskors tal-baġit il-Prim Ministru tkellem dwar numru ta’ miżuri oħra li se jidħlu fis-seħħ mill-bidu tas-sena d-dieħla.
Qal li numru ta’ pensjonanti li kienu jaħdmu l-Libja issa se jkunu jistgħu jirregolarizzaw il-pożizzjoni tagħhom mal-Gvern sabiex ikunu jistgħu jieħdu pensjoni b’mod regolari.
Huwa spjega wkoll kif se jkun qed jiżdied l-inwork benefit:
“Se nkunu qegħdin ukoll intejbu l-inwork benefit li semma l-Ministru fid-diskors tiegħu, fejn ir-rati tal-inwork benefit se jiżdiedu bejn €50 u €100 għal kull wild li persuna li tidħol fis-suq tax-xogħol ikollha”
Dr Muscat qal li se titneħħa diskriminazzjoni lill-ħaddiema li kienu impjegati tal-Gvern u fil-passat ħadu skema ta’ rtirar kmieni.
Qal li l-persuni li qegħdin fuq l-għajnuna soċjali u jmorru jistudjaw se jibbenefikaw ukoll minn stipendju:
“Il-persuni li jkollhom aktar minn 23 sena, qegħdin fuq għajnuna soċjali, u jmorru jistudjaw, se jkunu jistgħu iżommu kemm l-għajnuna soċjali kif ukoll l-istipendju mingħajr ma jitnaqqas xejn minnu sa capping tal-minimum wage”.
Il-benefiċċji mhux kontributorji għal persuni li jbatu b’mard bħad-dipressjoni u l-bipolar se jkunu qed jingħataw ukoll numru ta’ benefiċċji:
“Il-benefiċċji mhux kontributorji u l-kundizzjonijet tad-dipressjoni, psikosi, bipolar, u mard ieħor li jista’ jitqies b’mard terminali, se jinghataw dawn il-benefiċċji anki jekk ikunu kapijiet tal-familji li jikkwalifikaw mill-means test eżistenti”.
Dr Muscat temm id-diskors tiegħu billi fakkar kif dan huwa t-tieni baġit mingħajr l-ebda taxxa, it-tielet baġit b’surplus, ir-raba’ baġit b’żieda fil-pensjonijiet u s-seba’ baġit li se jkollu tnaqqis fit-taxxi.