Il-budget għas-sena d-dieħla alloka s-somma ta’ €95 miljun għas-settur turistiku. Somma rekord li tiżboq b’għaxar miljun dik allokata għal din is-sena. Hekk stqarret il-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli li spjegat kif il-budget għas-sena d-dieħla joffri influss ta’ €30 miljun oħra minn fondi li ġejjin mill-ħamsin miljun ewro f’vouchers li għal darba oħra ser ikun qed jagħti dan il-Gvern.
Dan filwaqt li l-estensjoni tal-iskema tal-għajnuna tal-pagi mill-Gvern, magħrufa aħjar bħala l-Covid Wage Supplement wkoll ser tkun qed tgħin lill-istabbilimenti u n-negozji f’dan is-settur.
Hija spjegat kif fi ftit tal-ġimgħat oħra ser tkun imnedija konsultazzjoni dwar strateġija ġdida għas-settur tat-turiżmu f’pajjiżna imsejsa fuq tliet pilastri prinċipali, l-irkuprar ta’ dak li ntilef fil-pandemija, ir-riformular tat-turiżmu u r-rivitalizzar tat-turiżmu fuq bażi ta’ kwalità u kompetittività.
Il-Ministru Farrugia Portelli qalet: “L-istrateġija nazzjonali, x’tip ta’ turisti rridu meta l-affarijiet jibdew jirpiljaw u propju ftit tal-ġimgħat oħra ser inniedu uffiċjalment id-diskussjoni mal-istakholders tagħna biex aħna din l-istrateġija ma tkunx strateġija tal-Gvern imma ta’ pajjiż inġenerali.”
Hija stqarret li fiż-żmien li ġej il-Gvern ser ikun qed jaħdem biex ikunu implimentati numru ta’ inċentivi marbutin ma’ reklamar internazzjonali biex pajjiżna jkompli jattira t-turisti. Dan filwaqt li titnaqqas l-istaġjonalità u tkun stimulata l-industrija tal-konferenzi.
Hija semmiet ukoll ix-xogħol li għaddej fuq il-Magħluq fil-villaġġ ta’ Marsaxlokk u stqarret li permezz ta’ proġetti bħal dawn ser tkun qed issir ħidma sabiex ikompli jittejjeb il-prodott turistiku. Dan filwaqt li ser isir xogħol sabiex jitnaqqas l-impatt tas-settur turistiku fuq l-ambjent.