Dan il-budget jixhed l-impenn soċjali ta’ dan il-gvern. Impenn soċjali kkumplimentat mal-bżulija tal-poplu kollu. Dan intqal mill-Ministru għas-Solidarjetà Soċjali Michael Falzon waqt l-estimi finanzjarji ta’ dan il-Ministeru għal dan il-budget.
Il-Ministru Falzon qal kif fil-Budget imressaq għas-sena d-dieħla hemm nefqa rekord għas-settur soċjali, hekk kif se tiġi allokata s-somma ta’ kważi żewġ biljun ewro. Spjega wkoll kif dan il-Budget jinkludi fi ħdanu xejn inqas minn ħamsa u tletin miżura soċjali.
Il-Ministru Falzon semma’ ukoll kif dan il-gvern qed jagħti ġustizzja lil dawk li sofrew l-inġustizzji, b’din is-sena li ġejja se tkun qed tgħin lil dawk il-ħaddiema tat-tarzna li ħadmu fl-asbestos.
Il-Ministru Falzon qal kif għas-sitt sena konsekuttiva kien hemm żieda fil-pensjonijiet għall-anzjani, it-twessigħ tal-in-work benefit u ż-żieda fiċ-Children’s Allowance.
Il-Ministru Falzon inotta li f’seba snin, in-numru ta’ persuni li kienu jiddependu fuq il-benefiċċji soċjali naqsu b’ħamsin fil-mija.
Qal kif, “Fl-2013 kellna erbatax-il elf persuna li jiddependu fuq il-benefiċċju soċjali. Illum huwa taħt is-seba t’elef.”
Min-naħa tiegħu is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva u d-drittijiet tal-Persuni b’Diżabiltà Silvio Parnis semma li fil-Budget imressaq għas-sena dieħla, l-anzjani u l-persuni b’diżabilità se jkunu min ta’ quddiem li jgawdu minn dan il-Budget.
Spjega li, “Għotja ta’ għaxar t’elef ewro għal dawk il-kumpaniji li ikunu interessati li jixtru taxis aċċessibli għall-persuni b’diżabilta b’siġġu ta’roti.”
Fil-Parlament tkellmu ukoll id-Deputati Laburisti Silvio Grixti u Anthony Agius Decelis li elenkaw għal diversi miżuri favur dawk l-aktar vulnerabbli u l-ħaddiema.
Qal li, “Gvern Laburista bħal dejjem wera l-bniedem, iż-żgħir hewa dejjem għallih iż-żentru tal-politika.Gvern li wera ir-ruħ soċjali tiegħu.” Intant Agius Decelis qal li, “Għadna Gvern li ħadem sabiex isalva ix-xogħol tal-ħaddiema Maltin u ħareġ l-iskema tal-wage suppliment għal ġid tan-negozji u l-ħaddiema Maltin.”