Il-Budget għas-sena d-dieħla se jkun qed jinvesti d-doppju fl-edukazzjoni, meta mqabbel mal-aħħar Budget ta’ Gvern Nazzjonalista.
Dan intqal mill-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana waqt l-estimi finanzjarji tal-Ministeru li tmexxi.
Hija u titkellem fil-Parlament, il-Ministru Caruana spjegat l-investiment qawwi fl-infrastruttura edukattiva, fejn se ikompli l-bini ta’ skejjel ġodda fl-Imsida u r-Rabat Għawdex, filwaqt li ser isiru proġetti ta’ modernizzar fl-iskejjel ta’ Ħal Qormi, tal-Mellieħa, ta’ Ħal Għaxaq u oħrajn fil-gżejjer tat-tliet għoljiet.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni semmiet kif dan il-Budget wassal għall-akbar żieda fl-istipendji, dik ta’ għaxra fil-mija, waqt li ż-żgħażagħ jistgħu jaħdmu sa ħamsa u għoxrin siegħa fil-ġimgħa flok għoxrin siegħa biex jibqgħu jirċievu stipendju. Il-Ministru spjegat li b’dawn iż-żewġ miżuri l-Gvern ser ikun qed jagħmel investiment ta’ ħames miljun ewro f’żieda totali fl-istipendji.
Il-Ministru Caruana semmiet ukoll li f’Jannar li ġej se tkun qed terġa’ testendi skema.
Spjegat, “Din is-sena wettaqna wkoll miżura importanti ħafna fejn ipprovdejna internet b’xejn għal dawk it-tlett elef student li jagħżlu li jkomplu jistudjaw hekk kif jispiċċaw is-sekondarja. Għal din l-iskema ġew allokati miljun ewro u din is-sena se nerġgħu nagħmluha, fil-fatt se nnieduha f’Jannar li ġej.”
Fil-Parlament tkellem ukoll id-deputat Laburista Oliver Scicluna fejn spjega li l-istudenti huma l-futur tal-pajjiż, u għalhekk hemm bżonn ukoll investiment fl-edukaturi.
Scicluna semma ukoll l-għotja ta’ għaxar t’elef ewro lil kull kap ta’ skola.
Qal, “Medja ta’ għaxart elef ewro fis-sena lil kull Kap ta’ skola f’Malta u Għawdex, biex bil-ġudizzju tagħhom, u biex il-Gvern qed juri fiduċja fihom, ikunu jistgħu jgħinu lill-istudenti li għandhom bżonn ċertu bżonnijiet bażiċi.”