Il-budget għas-sena d-dieħla qed jalloka somma rekord ta’ €28miljun għall-Awtorità tal-Djar.
Hekk ħabbar il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes f’konferenza tal-aħbarijiet f’sit ta’ housing soċjali ġdid fi Triq il-Wied l-Imsida li ser isarraf f’saqaf fuq ras mitt familja.
Filfatt stqarr li dan l-istess sit huwa evidenza ċara tax-xogħol li qed isir sabiex tinbena iktar akkomodazzjoni soċjali.
Stqarr li b’dan ir-rekord ta’ fondi allokati l-Gvern reġa’ wera kemm jemmen f’dan is-settur soċjali.
Qal kif, “Irridu nikkumparaw ukoll li fl-2011 kellha budget biss ta’ żewġ miljun u nofs li bażikament qed nitkellmu, għaxar darbiet iktar, iktar minn għaxar darbiet li kien hemm fl-2011 u fl-2012. Dan ifisser li mhux biss il-Gvern qed juri xhieda li l-housing ifisser importanza kbira għal settur soċjali bħal dan imma wkoll bit-thurija tal-fatti fejn sit bħal dan li ilu abbandunat għal għexieren ta’ snin illum qed jinbena.”
Huwa stqarr li l-Gvern assigura ’l fuq minn mija u għaxar miljun ewro għall-bini ta’ elf u seba’ mitt appartament u dan ifisser li l-lista ta’ stennija, li preżentament hija l-inqas li qatt kienet fl-aħħar snin sejra titnaqqas bi kwazi sebgħin fil-mija.
Spjega kif tul din is-sena ssaħħaħ ukoll il-benefiċċju tal-kera filwaqt li ż-żgħażagħ ġew mgħejjuna sabiex isiru sidien ta’ darhom.
Dan minkejja l-isfidi li ġabet magħha l-pandemija.
Huwa stqarr kif il-Gvern huwa impenjat sabiex joffri t-tama lill-ġenerazzjoni li jmiss sabiex tinvesti f’darha stess.
Dan fid-dawl li f’pajjiżna diġà għandna rata ta’ kważi tmenin fil-mija taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin li huma sidien ta’ djarhom.