F’artiklu fuq it-Times, mart il-Prim Ministru, Dr Lydia Abela kitbet li l-għan tal-Budget li ressaq il-Gvern għas-sena d-dieħla hu li ħadd ma jaqa’ lura u li jinbena futur aħjar għal uliedna.
Fit-Times, Lydia Abela tat l-esperjenza tagħha ta’ omm u kif dawk li jrabbu lil uliedhom jagħtu trobbija soda biex uliedna jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom.
Imbagħad semmiet numru ta’ miżuri soċjali u anki oħrajn ambjentali biex jgħinu fl-iżvilupp sostennibbli ta’ Malta.
Semmiet ukoll miżuri li jgħinu lit-tfal u min irabbihom bħall-estensjoni tal-ħinijiet taċ-childcare centres u miżura oħra notevoli li tagħti għaxart elef ewro lil kull Kap ta’ skola biex jara hu kif jonfoq dawn il-flus ma’ tfal vulnerabbli u li huma neqsin minn affarijiet bażiċi.
Saħqet li d-differenzi bejn it-tfal fl-iskola jibqgħu jippersistu meta dawn jikbru u għalhekk din il-miżura tindirizza l-inugwaljanza fi stadju bikri.
Dr Abela semmiet ukoll miżura li se tinċentiva xerrejja tal-ewwel proprjetà biex jixtru proprjetà f’żona ta’ konservazzjoni urbana.
Spjegat li dawn ix-xerrejja, ħafna minnhom koppji żgħażagħ se jiffrankaw it-taxxa tal-boll, jingħataw sa tletin elf ewro u rifużjoni tal-VAT fuq xogħlijiet li jagħmlu fil-propjetà sa erbgħa u ħamsin elf ewro.
Semmiet ukoll l-għotja għax-xiri ta’ vetturi elettriċi u plug-in hybrid li issa telgħet sa tnax-il elf ewro.
Lydia Abela qalet li l-Budget ukoll jindirizza inġustizzji tal-passat partikolarment dawk li ħabbtu wiċċhom magħhom in-nisa.
Hawn semmiet eluf ta’ nisa li baqgħu jaħdmu d-dar u ma għandhomx biżżejjed bolol imħallsa u kienu se jibqgħu mingħajr pensjoni iżda b’miżura tal-Gvern, dawn se jingħataw bonus.
Semmiet ukoll l-istudenti li żdiedulhom is-sigħat ta’ kemm jistgħu jaħdmu u jibqgħu jirċievu l-istipendju.
Fuq it-Times, mart il-Prim Ministru għalqet l-artiklu billi qalet li wara dak li għaddejna minnu, b’referenza għall-pandemija, nistgħu naspiraw għal li ġej.
Sostniet li l-pajjiż kompla jimmatura u għalhekk nistgħu nimirħu għall-benefiċċju mhux biss tan-nies tal-lum iżda anki t’għada.