L-Alleanza ta’ Kontra l-Faqar ukoll ingħaqdet mall-imsieħba soċjali l-oħra f’reazzjonijiet pożittivi fuq il-miżuri tal-Budget għall-2022.
F’kummenti ma’ ONE News, Matthew Borg mill-Alleanza ta’ Kontra l-Faqar semma bosta miżuri li fi kliemu se jkunu ta’ spalla għal ħafna, u mhux għal sezzjoni waħda jew partikolari fis-soċjetà Maltija.
Miżura partikolari li għamel aċċenn għaliha Borg, kienet l-mekkaniżmu tal-COLA, ħaġa li anke huma stess iddiskutewha mal-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana.
Huwa nnota wkoll kif issa l-ħaddiema tal-kuntrattur fis-settur pubbliku se jibdew jitħallsu bid-doppja l-Ħadd u anke faħħar il-fatt li t-traport pubbliku se jkun b’xejn għal kulħadd.
Matthew Borg tenna kif b’dan kollu, il-Gvern qed jagħmel enfasi fuq il-kwalità u d-diċenza tal-ħajja, li fi kliemu huwa pass lejn id-direzzjoni t-tajba.