Bħala parti mill-Budget 2021 se jibqgħu fis-seħħ numru ta’ skemi li qed jinċentivaw l-investiment f’sorsi ta’ enerġija rinnovabbli.
Dan bil-għan li l-Gvern jibqa’ jisħaq fuq l-importanza ta’ enerġija li ġejja minn sorsi rinovabbli.
Skemi li fost oħrajn jinkludu dawk għall-installazzjoni ta’ pannelli fotovoltajiċi solari, għoti ta’ rifużjonijiet sħiħa tal-VAT fuq roti u roti elettroniċi, l-iskema ta’ inċentiv fuq xiri ta’ muturi, scooters u rot assistiti b’mutur tal-elettriku għal massimu ta’ €400 u oħrajn.
Fejn tidħol l-għotja għal min jaqleb il-vettura tiegħu biex taħdem bil-gass minflok bil-petrol, din l-għotja issa se titla’ għal €400. Madankollu biex tkun eliġibbli, it-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 tal-vettura msemmija trid tonqos b’25%.
Din l-iskema se tkun qed tiġi estiża għall-vetturi kollha tat-trasport tal-passiġġieri u l-merkanzija fejn f’dan il-każ, l-għotja titla’ sa massimu ta’ €800.
Il-vetturi kollha inkluż muturi li huma diġà reġistrati mal-Awtortità għat-Trasport se jkunu jistgħu japplikaw biex il-vettura tagħhom tkun liċenzjata biex tintuża fi tmiem il-ġimgħa u fil-ġranet ta’ Festi Pubbliċi u Nazzjonali biss. Hawnekk meta tapplika tibbenfika minn tnaqqis ta’ 35% tal-ħlas annwali tal-liċenzja taċ-cirkolazzjoni.
Barra minn hekk se tkompli tiġi stabbilita feed-in-tariff għal elettriku ġġenerat minn installazzjonijiet fotovoltajiċi solari.
Il-Budget għas-sena d-dieħla jinkludi wkoll l-installazzjoni ta’ ħames “Eco Intermodal Hubs” f’postijiet strateġiċi madwar il-gżejjer Maltin. Dawn ser ikunu qed jgħinu lill-pubbliku sabiex tinxtered informazzjoni dwar mezzi ta’ trasport, kiri ta’ e-scooters, u e-bikes kif ukoll faċilitajiet fejn wieħed jista’ jiċċarġja l-mobile u juża’ l-WIFI.
Għall-vetturi elettriċi se jkomplu jiġu nstallati taħlita ta’ 130 ta’ “medium-fast” u “fast charging pillars” li se jkunu disponibbli għall-pubbliku inġenerali.
Intant il-Gvern se jkun qed iwettaq studju biex ikun hemm tibdil minn karozzi li jaħdmu bil-fjuwil għall-karozzi li jaħdmu bl-elettriku fis-Servizz Pubbliku.
Dan apparti investiment qawwi fir-riċerka u l-innovazzjoni fl-oqsma tal-enerġija u l-ilma b’kollaborazzjoni mal-akkademija u l-industrija. B’hekk riċerkaturi jkunu mgħejjuna finanzjarjament biex jaħdmu fuq proġetti li jwasslu għall-iżvilupp ta’ prodotti teknoloġiċi u soluzzjonijiet addattati għal pajjiżna.