Budget li bena fuq fejn ħallew ta’ qablu, li poġġa fuq quddiem nett l-aspett soċjali. Budget li huwa ikona tar-ruħ soċjali tal-Gvern, bin-nefqa soċjali għas-sena d-dieħla tkun ta’ €1.95 biljun, kważi żewġ biljun ewro.
Kien b’dan il-mod li l-Ministru għall-Politika Soċjali, Michael Falzon iddeskriva l-Budget 2023 l-għada li tħabbar mill-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana.
Il-Ministru rrimarka kif filwaqt li l-Gvern qed jieħu miżuri li jissalvagwardjaw il-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u Għawdxin kollha, fosthom permezz tas-sussidji marbuta mal-prezzijiet tal-enerġija.
Apparti minn hekk innota kif il-Ministeru għall-Politika Soċjali ingħata l-akbar parti mill-Budget, liema nefqa rrimarka kif mhux talli mhix ħela ta’ flus, anzi hija investiment fil-poplu Malti u Għawdxi.
Fost il-miżuri soċjali huwa aċċenna għaż-żieda lill-penzjonanti ta’ €12.50 bħala parti mill-mekkaniżmu għall-għoli tal-ħajja.
Rigward l-inġustizzji li sofrew il-ħaddiema taħt amministrazzjonijiet preċedenti, il-Ministru stqarr li fix-xhur li ġejjin se jiġu indirizzati uħud minnhom, sabiex il-Gvern ikompli jagħmel tajjeb għall-iżbalji ta’ ħaddieħor.
Il-Ministru Falzon aċċenna għall-fatt li dan il-Budget irid jitqies fl-isfond ta’ kriżijiet internazzjonali bla preċedent, fejn bosta pajjiżi Ewropej li għandhom ekonomiji akbar minn dik ta’ Malta, qed jaraw protesti fit-toroq tagħhom u eluf ta’ familji li ma jistgħux isaħħnu djarhom.
Huwa tenna li dan l-ewwel Budget ta’ din il-leġiżlatura jagħti ħarsa lejn budgets li għadhom iridu jiġu, u qal li l-Budget 2023 huwa ikona tar-ruħ soċjali tal-Gvern.