‘Fi żmien ta’ sfida kbira rnexxielna nniedu budget bl-akbar nefqa għaliex konna preparati ekonomikament’.
Dan qalu l-Ministru Edward Zammit Lewis f’konferenza tal-aħbarijiet bit-tema ‘Maltin b’saħħitna ‘l quddiem, dwar il-budget għas-sena d-dieħla.
Hawnhekk il-Ministru Zammit Lewis spjega kif it tisħiħ tal-governanza ma sarx biss bl-abbozz ta’ liġijiet jew b’miżuri tal-budget, iżda sar anke b’investiment, fosthom f’uffiċini ġodda tal-Avukat Ġenerali, u fuq kollox proċess aktar trasparenti ta’ kif jinħatar.
Qal kif, “F’uffiċċju għall-avukat tal-istat u għall-Kummissarju tal-Liġijiet u f’uffiċċji ġodda wkoll għall-Qrati tagħna li se jagħuna erba’ awli u 25 uffiċċju. Dan juri li dan hu gvern li jitkellem fuq ġustizzja u li jinvesti f’dan is-settur. Nistgħu bħala Maltin inkunu kburin u nimxu, anke f’dan iż-żmien ta’ sfida, ‘l quddiem.”
Il-gvern sa jassigura wkoll li l-għajnuna legali tkun aktar aċċessibbli, anke b’sistemi diġitali. Dan filwaqt ta’servizz t’għajnuna legali għall-vittmi ta’ vjolenza domestika, u t-tisħiħ tal-Uffiċċju tal-irkupru tal-assi.
Is-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar qalet li l-budget ħares lejn il-bżonnijiet ta’ bħalissa, u li jibni fuq ta’ qablu. Qalet li l-Gvern se jibqa’ jaħdem fuq il-liġijiet f’qasam tal-ugwaljanza, fosthom bil-ħatra ta’ Kummissjoni għall-ugwaljanza.
Semmiet ukoll li se taħdem għall-ewwel ċentru għall-komunità LGBTIQ b’diversi servizzi.
Spjegat li “Bla dubju rajna budget li jpoġġi fiċ-ċentru tiegħu l-aspett soċjali mhux biss ekonomiku. Huwa budget li għandu fiċ-ċentru tiegħu l-ugwaljanza u juri l-impenn tal-gvern li jindirizza in-nuqqas ta’ ugwaljanza b’mod sistematiku u f’kull sfera tal-ħajja. Inħarsu ‘l quddiem għal Malta aktar ugwali. “