Għal sena oħra l-budget għas-sena d-dieħla alloka €100 miljun għall-bini mill-ġdid ta’ toroq ġodda madwar pajjiżna. Dan bħala parti mill-investiment ta’ €700 miljun għall-bini ta’ toroq ġodda mill-ġdid f’seba’ snin.
Bil-pond pedonali ġdid u parti mill-proġett tal-Junction tal-Marsa fl-isfond, il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali, Ian Borg stqarr kif dan huwa budget ieħor mibni fuq is-sisien ta’ gvern b’qalb soċjali. Stqarr kif dan il-budget għal sena oħra ser jagħti trasport b’xejn liż-żgħażagħ li għandhom bejn is-16 u l-20 sena, lill-istudenti u lill-persuni b’diżabilità.
Dan filwaqt li mis-sena d-dieħla l-anzjani li għandhom il-fuq minn 70 sena wkoll ser jibdew jibbenefikaw mill-użu tat-trasport pubbliku b’xejn. Spjega wkoll kif il-ħlas għal-liċenzja ta’ muturi żgħar b’magni 125 ser jonqos minn €65 għal €25. Dan filwaqt li skema oħra ser twassal sabiex kull min jiskrappja karozza li għandha l-fuq minn għaxar snin, il-Gvern jgħinu fix-xiri ta’ mutur bi ħlas ta’ nofs l-ispiża.
Il-Ministru Ian Borg spjega kif għal żmien twil pajjiżna kien dera jara proġetti li jdumu ma jitlestew u li jsiru bi kwalità inferjuri. Fost dawn semma t-terminal taċ-Ċirkewwa u l-isptar Mater Dei. Proġetti bħal dawn jikkuntrastaw bil-qabda mal-mod ta’ kif qed isiru proġetti infrastrutturali kbar bħal Junction tal-Marsa li ser tkun tlestiet fi tlett snin u l-mini ta’ Santa Luċija.
Dan filwaqt li spjega kif ix-xogħol li qed isir fil-proġett tas-Central Link kien ilu pjanat minn żmien il-Prim Ministru Ġorġ Borg Olivier iżda dan qatt ma kien ġie attwat minn amministrazzjonijiet preċedenti.
Il-Ministru Borg stqarr, “Il-budget ta’ Gvern Laburista għal sena oħra qed iżomm il-kelma mal-poplu malti u għawdxi. Il-poplu malti u għawdxi ried li pajjiżna jinvesti fl-infrastruttura tiegħu. Ninvestu fit-toroq tagħna, ninvesti fi proġetti li qed isolvu l-kriżijiet ta’ għexieren ta’ snin biex wieħed jista’ jiċċaqlaq minn post għall-ieħor b’mod mill-iktar diċenti u f’ħinijiet raġjonevoli.”
Innota wkoll kif dan il-Gvern ser ikun qed irodd lura id-daqs ta’ 60 grawnd tal-futbol f’park nazzjonali f’Ta Qali bit-tħawwil ta’ 80,000 siġra ġdida.
Intant min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għall-Artijiet u l-Kostruzzjoni, Chris Agius innota kif fl-aħħar xhur ingħatat injezzjoni qawwija lis-settur tal-propjetà u l-familji Maltin u Għawdxin baqgħu jkunu mgħejuna sabiex jinvestu fil-propjetà. Fost l-għajnuna li ngħatat hija t-tnaqqis fit-taxxa tal-boll li rat ammont rekord ta’ konvenji fix-xhur tas-Sajf.
Spjega kif l-iskema tal-first time buyers dan il-budget għas-sena d-dieħla ġeddidha u tejjibha hekk kif issa l-eżenzjoni tat-taxxa ġiet estiża għal fuq l-ewwel €200,000. Innota wkoll kif skema ta’ €4 miljun mill-Malta Enterprise ser tgħin lill-kuntratturi sabiex jinvestu f’inġenji ġodda li jarmu inqas emissjonijiet.
Is-Segretarju Parlamentari Agius saħaq, “Dan hu l-mod sabiex b’mod fattwali ngħinu lill-familji tagħna sabiex ikunu jistgħu isiru sidien ta’ djarhom.”