Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat, u d-Drittijiet tal-Konsumatur, Julia Farrugia Portelli, tkellmet dwar kif, b’investiment ta’ €1.8 miljun, l-għajnuna għall-ġenituri ma jistgħux jaħdmu biex jieħdu ħsieb lil uliedhom adulti b’diżabilità severa, se jiżdied b’disa’ darbiet aktar minn dak li qed jirċievu bħalissa.
Qalet, “B’effett mis-sena d-dieħla, minn Jannar illi ġej, dawn il-ġenituri, minflok il-carers grant ta’ €500 se jibdew jieħdu €4,500 fis-sena: aktar minn disa’ darbiet dak li qed jirċievu llum, b’investiment totali ta’ €1.8 miljun.”
Il-Ministru Julia Farrugia Portelli qalet li, is-sena d-dieħla, il-Ministeru li tmexxi se jwettaq ħdax-il proposta mill-manifest elettorali tal-Gvern. Għas-sena d-dieħla dan il-Ministeru ngħata madwar €56 miljun.
Fost l-investiment li se jsir bħala parti mill-Budget hemm dak tal-Independent Community Living, b’investiment ta’ €4.2 miljun. Permezz ta’ din l-iskema, aktar persuni b’diżabilita se jkunu jistgħu jilħqu l-potenzjal tagħhom permezz ta’ assistent personali.
Barra minn hekk, fil-Budget għas-sena d-dieħla se jingħata sussidju ta’ 20 fil-mija fuq xiri ta’ vetturi ġodda li jinstaqu minn persuni li jagħmlu użu minn siġġu tar-roti.
Dawk li jixtru karozza użata modifikata li tkun reġistrata diġà se jkunu jistgħu jibbenefikaw minn sussidju ta’ mhux aktar minn 10 fil-mija fuq il-prezz tal-karozza.
Il-Ministru Farrugia Portelli spjegat li, minbarra s-servizzi ta’ terapiji b’xejn li joffri l-Gvern, mis-sena d-dieħla se jiġi introdott il-kunċett ta’ €200 tax credit kull sena għal kull tifel u tifla li jingħataw terapiji fil-privat.
Intqal ukoll li se jkun hemm żieda fl-assistenza għal persuni b’diżabilità.
Is-sena d-dieħla se tiġi indirizzata miżura pożittiva oħra: li t-test tal-mezzi tal-iskemi tal-Awtorità tad-Djar se jibda jeskludi minnu benefiċċji mogħtija lil persuni b’diżabilità.
Il-Ministru Julia Farrugia Portelli semmiet ukoll kif, għal darba oħra, il-Gvern se jkompli jħares u jsaħħaħ id-drittijiet tal-konsumatur hekk kif jerġa’ jogħla l-ammont massimu ta’ €5,000 li fuqhom jistgħu jsiru talbiet quddiem it-Tribunal għal Talbiet tal-Konsumaturi.
Barra minn hekk, il-Gvern se jkompli jsostni lill-għaqdiet volontarji Maltin u Għawdxin b’riforma li se ssir fis-settur u b’one-stop-shop fejn l-għaqdiet jistgħu jsibu servizzi u sapport taħt saqaf wieħed.