F’settur tal-enerġija li fi żminijiet ta’ kriżi qed juri kemm hu kruċjali dan is-settur, il-Gvern kompla bil-ħidma tiegħu favur l-enerġija sostenibbli.
Dan hekk kif il-Gvern kompla jgħin investimenti f’pannelli fotovoltajċi, flimkien ma’ batteriji għall-ħażna tal-enerġija, filwaqt li kompla jgħin ukoll permezz ta’ għotjiet fuq restawr ta’ bjar domestiċi u anki permezz ta’ għotjiet fuq ix-xiri ta’ solar water heaters, fost oħrajn.
F’din l-aħħar sena, b’investiment ta’ madwar €11-il miljun, bdiet topera l-ewwel reverse osmosis li titmexxa mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma f’Ħondoq ir-Rummien. Din is-sena tlesta wkoll it-tisħiħ tal-impjant għat-tisfija tad-drenaġġ f’San’Antnin.
Din is-sena, il-Wasteserv bdiet bil-kunċett ta’ ‘Reuse Centres’, fiċ-ċentri tal-iskart goff li se jippermettu l-użu mill-ġdid ta’ oġġetti bħal ġugarelli u kotba. L-ewwel ċentri ta’ dan it-tip fetħu f’Ħal Far u fix-Xewkija, Għawdex.
Id-Direttorat tal-Iżvilupp Sostenibbli beda jqassam starter kits bi prodotti essenzjali magħmula b’materjali sostenibbli għal trabi lil ġenituri li jkollhom wild ġdid u huwa stmat li sal-aħħar tas-sena se jkunu tqassmu 4,000 kit.
Intant, fis-settur tal-ekonomija, il-pajjiż, permezz tal-Malta Enterprise, kompla jsostni lill-industrija b’mod qawwi. Dan hekk kif ġiet estiża l-iskema tas-sussidju fuq il-kera fuq numru akbar ta’ negozji. Dan għen biex jittaffew l-ispejjeż li ffaċċjaw numru ta’ importaturi u negozji minħabba ż-żieda internazzjonali fil-prezzijiet tat-trasport.
Din is-sena tnediet ukoll l-iskema Smart and Sustainable Investment Grant, li fost l-oħrajn toffri assistenza finanzjarja u fiskali lil negozji għal investiment sostenibbli dwar diversi aspetti bħall-użu aħjar ta’ riżorsi, l-użu aħjar tal-ilma, u biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju.
Skema oħra tippromwovi proċess ta’ tibdil għal tkabbir ta’ negozji b’operat u sostenibilità aħjar, permezz ta’ ristrutturar u użu ta’ teknoloġija ġdida addattata, imsejħa bħala Change to Grow.
Apparti minn hekk, start-ups ta’ negozju ġdid bdew jingħataw għotja sa massimu ta’ €200,000. Din l-iskema se tkun miftuħa sal-aħħar tas-sena d-dieħla.