Matul din is-sena, il-Gvern daħħal mediċini ġodda bla ħlas fosthom għall-kundizzjonijiet tal-ġilda, għall-fibromajalġja, għall-immunità baxxa, u għaċ-ċirkolazzjoni tad-demm madwar il-qalb.
Madwar 9,000 pazjent ġdid ingħaqdu mal-lista ta’ eluf ta’ oħrajn li qed jieħdu l-mediċini bla ħlas permezz tal-iskema tal-Ispiżjar tal-Għażla Tiegħek.
Dan qed iwassal biex pazjenti qed jiffrankaw eluf ta’ ewro fix-xahar.
Apparti minn hekk, iddaħħlu servizzi ġodda, fost oħrajn tad-dijabete, tal-podjatrija, u tal-ortopedija. Dan l-investiment wassal biex iżjed pazjenti jirċievu iżjed servizzi aktar qrib tagħhom.
Matul din is-sena ġie estiż ukoll li il-programm tar-Remote Patient Monitoring għall-pazjenti bid-dijabete, u issa dan qed ikopri l-etajiet mit-twelid sa 21 sena.
Il-Gvern kompla bil-programm ta’ rinnovar taċ-Ċentri tas-Saħħa u l-bereġ madwar pajjiżna biex dawn isiru aktar aċċessibbli u addattati għaż-żminijiet tal-lum.
Din is-sena ġie rinnovat iċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Gżira, waqt li nfetħu l-bereġ fil-Ħamrun, f’Wied il-Għajn, u f’Ħal Tarxien.
Dwar il-kura tas-saħħa mentali, il-Gvern beda s-servizz ta’ Crisis Resolution and Home Treatment fid-dar tal-pazjent jew mill-isptar. Apparti minn hekk, fl-Isptar Monte Karmeli għaddejjin ukoll diversi proġetti infrastrutturali u ta’ rinnovazzjoni sabiex il-pazjenti jirċievu l-kura f’ambjent modern.
F’sena mimlija bi sfidi bla preċedent minħabba l-gwerra fl-Ukrajna, il-Gvern ħadem sabiex jiġi inċentivat ix-xogħol u biex il-familji Maltin igawdu minn kwalità ta’ għajxien aħjar.
Il-ħaddiema li l-paga bażika tagħhom ma taqbiżx l-€20,000 fis-sena u li m’għandhomx pożizzjoni maniġerjali kellhom tnaqqis fit-taxxa u bdew jiġu intaxxati bil-15 fil-mija fuq l-ewwel €10,000 dħul mis-sahra.
Mill-bidu ta’ Awwissu ta’ din is-sena ddaħħlet fis-seħħ id-direttiva Ewropea li tinkludi liv għall-missirijiet u liġijiet favur il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata.
Barra minn dan, minn din is-sena, il-ħaddiema li huma impjegati mal-kuntatturi li jipprovdu xogħol lis-settur pubbliku, il-Gvern se jkun qed iħallashom doppju għas-sigħat ta’ xogħol li jaħdmu fi Ħdud.
Apparti minn hekk, għal sena oħra fil-Budget, kien hemm żieda fil-pensjonijiet.
Fis-settur tal-anzjani, minn din is-sena, il-benefiċċju tal-Carer at Home għola għal €7,000 fis-sena. Dan huwa servizz fil-komunità maħsub biex ikun ta’ għajnuna għall-anzjani ħalli jkunu jistgħu jibqgħu jgħixu f’darhom għall-itwal żmien possibbli.
Minn din is-sena wkoll, ir-rata massima ta’ sussidju żdiedet b’elf ewro fis-sena u minnu gawdew aktar minn 570 benefiċjarju.
Żdiedet ukoll ir-rata ta’ sussidju tal-iskema Home Helper of Your Choice, li telgħet għal €7 fis-siegħa. Dan l-inċentiv jgħin lil anzjani li jagħżlu l-helper tagħhom.
Din is-sena komplew ukoll l-investimenti fir-residenza San Vinċenz de Paul, fosthom magna tal-X-Ray ġdida għall-użu tal-anzjani u anki tnediet binja li hija spiżerija u mħażen ġodda, fejn jitqiegħdu l-mediċini l-ġodda.