Matul din is-sena kompla l-proġett ambizzjuż tal-Pulizija tal-Komunità, li din is-sena ġie estiż għal Tal-Pietà u Santa Venera.
Dan il-proġett se jkun qed jiġi estiż ukoll għall-Imsida, Ħaż-Żebbuġ, il-Gżira, il-Mosta, l-Imġarr, San Ġwann, ix-Xgħajra, u Ħaż-Żabbar.
Apparti minn hekk, tkompla l-investiment fil-Korp tal-Pulizija, bix-xiri ta’ vetturi tat-tip 4×4 Pick-up trucks.
F’dan il-perjodu, l-Aġenzija għas-Sapport tal-Vittmi kompliet tiġi msaħħa u kompliet ittejjeb is-servizzi tagħha fl-oqsma tad-drittijiet lill-vittmi. Dan sar billi twaqqaf l-ewwel ċentru f’Santa Luċija, li jopera s-servizz ta’ sapport emozzjonali u anki dak ta’ gwida legali.
Dan apparti li se jkun qed isir Ċentru fix-Xewkija, f’Għawdex.
Matul din is-sena, l-Aġenzija għas-Sapport tal-Vittmi assistiet aktar minn elf vittma.
Fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili sar investiment ta’ xiri ta’ inġenji ġodda, fosthom trakk imsejjaħ hydraulic platform, li jlaħħaq għoli ta’ sebgħin metru. Dan huwa l-akbar trakk tal-flotta u se jgħin lid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili f’ħidmietu meta tinqala’ emerġenza f’bini għoli ħafna.
Fil-qasam tal-ġustizzja, matul din is-sena ġew installati numru ta’ scanners li bħalissa qed jintużaw biex isiru kopji diġitali tal-proċessi tal-Qrati Maltin.
Dan il-proċess qed ikattar l-effiċjenza fil-Qrati tal-Ġustizzja.