Tul din is-sena saru diversi spazji pubbliċi ġodda. Sar ukoll xogħol ta’ tisbiħ f’numru ta’ ġonna, bħal fil-każ ta’ Ġnien Belveder fil-Marsa. F’dan il-ġnien fiċ-ċentru ta’ din il-lokalità tħawlu 750 siġra u arbuxella, biex fih igawdu l-ħin liberu tagħhom il-familji li joqogħdu fil-madwar.
Hemm ukoll Ġnien Victor Calvagna fil-Mosta u l-ġnien ġdid elevat fil-qalba tal-komunita tal-Ħamrun, f’Misraħ is-Sebgħa ta’ Ġunju 1919.
F’din is-sena sar spazju ġdid ukoll f’Għawdex: dak tal-Qortin. Għal 36 sena din iż-żona kienet miżbla u issa saret spazju sabiħ għall-familji.
Dan apparti li tlesta l-ewwel ġnien li l-enerġija kollha tiegħu hija ġġenerata minn sorsi li ma jiġġenerawx emissjonijiet tal-karbonju: Ġnien ir-Rnella fil-Kalkara.
Din is-sena għall-ewwel darba, f’Mejju, saret l-ewwel edizzjoni tal-‘Malta AgriFair’, fl-MFCC f’Ta’ Qali, li għaliha attendew aktar minn 30,000 persuna. Bosta esebituri tefgħu aktar dawl fuq il-prodott lokali, fuq il-makkinarju, u fuq is-sistemi u l-iżviluppi teknoloġiċi fis-settur agrikolu u dak tas-sajd.
Intant, din is-sena fis-settur turistiku l-Gvern baqa’ għaddej bil-ħidma tiegħu sabiex dan is-settur jirkupra wara d-daqqa tal-pandemija.
L-Awtorità għat-Turiżmu ħadet ħsieb biex tfittex rotot ġodda u biex linji tal-ajru jerġgħu jibdew u jżidu r-rotot tagħhom minn u lejn pajjiżna.
Id-diskussjonijiet li saru matul l-aħħar xhur wasslu biex fl-istaġun tas-sajf li għadda ġew irkuprati 85 fil-mija tal-konnettività li kien hawn fl-2019, fis-sena ta’ qabel il-pandemija. Fil-frattemp, fil-gżira Għawdxija, bħalissa għaddej ix-xogħol fuq l-ikbar investiment sportiv li qatt sar fil-gżira: dak tal-Kumpless Sportiv u Ċentru Akkwatiku fir-Rabat.