Tul din is-sena l-Gvern se jkompli bil-governanza fiskali soda u li tkompli tkattar il-ġid b’risq il-Maltin u l-Għawdxin kollha.
Sentiment espress mill-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna f’konferenza tal-aħbarijiet dwar it-tqassim tal-ġid mill-budget 2020.
Dr Sciculna spjega: “Dan il-Gvern kellu riċetta li rnexxiet u aħna qed inżommu ma’ dal-qafas. Din is-sena għandha l-istess qafas li tagħti prijorità lit-tkabbir ekonomiku li dak qatt ma tista’ tneħħih minn quddiem għajnejk għax jekk m’għandekx it-tkabbir, m’għandekx il-ġid m’għandekx xi tqassam. Miegħu hemm li l-governanza fiskali, hawn min jgħidha li jkollok il-finanzi fis-sod. Iva, jiġifieri li inti ma tonfoqx iżjed milli ddaħħal.”
Fi preżentazzjoni l-Ministru spjega li għal din is-sena l-Gvern se jerġa’ jagħmel surplus ta’ kważi €200 miljun u li 0.5% biss se jkun ġej mill-fond nazzjonali għall-iżvilupp.
It-tkabbir ekonomiku huwa mbassar li jaqbeż l-€14-il miljun jew 4.5%.
Id-dejn se jkompli jinżel biex jibda jmiss l-40% bħala proporzjon tal-ġid nazzjonali. Dan f’kuntrast mas-sitwazzjoni fl-2013 meta tela’ għal 70%.
Il-Professur Scicluna spjega t-tkabbir ekonomiku hu xprunat b’tisħiħ f’setturi eżistenti bħat-turiżmu u l-manifattura u oħrajn ġodda bħall-internet of things, l-intelliġenza artifiċjali u l-eSports fost oħrajn.
Dan flimkien mal-miżuri tal-Making Work Pay sabiex tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nies fid-dinja tax-xogħol.
Scicluna stqarr li l-irwol ta’ kull budget ikun ukoll li jqassam il-ġid miż-żieda fit-tkabbir ekonomiku bl-aktar mod ġust biex kulħadd igawdi minn livell ta’ għajxien ogħla.
Dr Scicluna sostna: “Il-bżonn ta’ dak huwa differenti minn ta’ dik, minn ta’ dak jiġifieri sa affarijiet żgħar li iva huma importanti pereżempju li jkollok tarbija jew taddotta tarbija jibgħatlek rigal il-Gvern. Xi ħaġa żgħira imma sabiħa.”
Il-Ministru Scicluna elenka bosta miżuri foshom dik li ġenituri ta’ tfal li jbatu minn mard rari jew b’dizabilita severa jkunu eżentati sa massimu ta’ 8 snin ta’ bolol. Din fost għexieren ta’ miżuri lejn l-iktar persuni li għandhom bżonn b’allokazzjoni ta’ madwar €80 miljun.