Mis-sena d-dieħla l-Kunsilli Lokali u dawk reġjonali se jaraw żieda ta’ ‘l fuq minn €2 miljuni u nofs fuq in-nefqa allokata għalihom.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Silvio Parnis qal li permezz tal-budget imressaq se jiġu introdotti skemi li permezz tagħhom numru ta’ persuni se jiġu assenjati mal-kunsilli reġjonali bil-għan li dawn ikomplu jissaħħu.
Is-Segretarju Parlamentari Parnis spjega li “Dan il-Gvern kompla isaħħaħ il-Kunsil Lokali, għaliex dan il-Gvern li jemmen fil-kunsili lokali u ukoll żiedna l-allokazzjoni żiedna ukoll flus lil kunsili lokali b’ żieda ta’ €2.5 million lill-kunsilli lokali biex verament lil kunsili lokali nagħmluhom Kunsilli lokali, gvern lokali ta’ eċċellenza.”
Is-Segretarju Parlamentari Parnis spjega li se jiddaħħlu wkoll diversi smart bins li awtomatikament meta jimtlew jibgħatu messaġġ lil min jieħu ħsiebhom biex dan jiġi jbattalhom.
Fl-istess konferenza tal-aħbarijiet tkellem is-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar u s-Suq tal-Proprjetà Chris Agius spjega kif mhux biss reġgħet iġġeddet l-iskema tal-first-time-buyers, iżda din twessgħet sa €175,000 ewro biex speċjalment il-koppji żgħażagħ se jiffrankaw sa €6,500 mit-taxxa tal-boll.
Is-Segretarju Parlamentari Agius stqarr: “Qed naraw ukoll li dawn iż-żgħażagħ li qed issibuha diffiċli li jsibu l-10% downpayment it-10%. Qed ngħidu li bħala Gvern se nsellfuhom 17,500 li jitħallsu fuq perjodu ta’ 15-il sena mingħajr interessi.”
Tnediet ukoll miżura ta’ tnaqqis tal-ħlas ta’ taxxa għaċ-ċessjonijiet fuq artjiet, biex mhux biss jiġu salvagwardjati l-interessi tal-koppji żgħażagħ li qed jixtru, iżda ukoll lil min ikun biegħ id-dar tiegħu għall-iżvilupp.
Hawn sar tnaqqis minn 2%5 għal 15% fuq l-ewwel €100,000 għal kull profitt li jsir minn ċessjonijiet.