Fi żmien amministrazzjonijiet Nazzjonalisti, bħal-lum, il-familji jkunu qed jikkalkulaw kemm ħadilhom il-Gvern, jekk tahomx xi ħaġa, u jippruvaw jagħmlu kalkolu jekk jinsabux aħjar milli kienu jumejn ilu.
Dan il-kalkolu m’għandux għalfejn isir. Illum isir biss kalkolu ta’ x’ħadna u kemm ħadna. Huwa baġit li llum f’pajjiżna kulħadd jinsab aħjar milli kien jumejn ilu.
Hekk iddeskriva l-baġit għall-elfejn u tmintax id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne f’konferenza tal-aħbarijiet f’Kastilja li fiha elenka numru ta’ miżuri li juru kif dak li tressaq ilbieraħ huwa baġit li jagħti sens ta’ serenità u serħan il-moħħ.
Huwa baġit li fi kliem Fearne, wara elezzjoni ġenerali erba’ xhur ilu, juri li l-ħajja f’pajjiżna reġgħet għaddejja bir-ritmu li konna mdorrijin bih f’dawn l-aħħar erba’ snin.
Id-Deputat Prim Ministru qal li dan huwa baġit parti mill-proġett ta’ Joseph Muscat, meta sitt snin ilu għamel l-ewwel riforma fil-Partit li jmexxi, imbagħad fil-pajjiż.
Huwa baġit li jibni fuq ta’ qablu u li jagħmel il-pedamenti għall-baġits li ġejjin biex ilesti lil pajjiżna għall-futur.
Indirizza l-istess konferenza l-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna, li tkellem dwar il-ħsieb wara l-baġit.
Baġit li huwa wieħed b’saħħtu għax l-ekonomija hija b’saħħitha. Sitwazzjoni li l-Ministru spjega hija possibbli għax il-baġits li wasslu għaliha kienu tajbin, mirquma u konsistenti.
Huwa għal dawn ir-raġunijiet, qal Scicluna, li lħaqna l-livell ta’ tkabbir ekonomiku li lħaqna.
Il-Ministru għall-Finanzi spjega wkoll li l-baġit għas-sena d-dieħla qed jisfrutta l-potenzjal li kiber permezz dan it-tkabbir ekonomiku.
Dan fl-istess waqt li xorta elenka u beda jwitti t-triq biex jindirizza l-isfidi l-ġodda li qed jaffaċċja pajjiżna : il-konġestjoni tat-traffiku, il-housing u l-iskart.
Hawnhekk tenna l-fiduċja li l-poplu wera erba’ xhur ilu fil-Partit Laburista biex isolvihom, hekk kif bħalma rnexxielu jsolvi problemi kbar bħal dawk fis-settur tal-enerġija, hekk ukoll fiduċjuż li jsolvi dawk futuri.