Il-kunsill lokali ta’ Bormla addota kelb! Buddy m’huwiex xi kunsillier elett minn elezzjoni, iżda membru ġdid li ser jingħaqad mal-istaff tal-kunsill wara li ġie addotat u ddeċiedew li jieħdu ħsiebu fl-uffiċini tal-kunsill lokali. Ix-xewqa tal-istaff hija li apparti li jagħtu kenn lil dan il-kelb, Buddy jservi wkoll ta’ tbissima għal kull min iżur l-uffiċju tal-kunsill għal xi bżonn.
”Xtaqna li nagħtu kenn u mħabba lil dan il-kelb li kien abbandunat. Ridna li nagħtuh ambjent ġdid fejn jgħix u nmexxu bl-eżempju u nwasslu messaġġ li dawn il-krejaturi jistgħu jgħixu f’ambjent aħjar fostna. Ħadt gost bl-inizjattiva tal-istaff tagħna li flimkien ser inrabbu lil dan il-kelb fil-komunita’ tagħna”
Alison Zerafa Civelli – Sindku ta’ Bormla
Kienu ħafna dawk li faħħru dan il-ġest tal-kunsill lokali ta’ Bormla u saħqu li m’għandhomx dubju li dan il-kelb ser isib l-imħabba fost l-istaff tal-kunsill u l-Bormliżi kollha.