Kull għaxart ijiem mijiet ta’ turisti Amerikani qed jinżlu f’pajjiżna għal jumejn qabel jembarkaw fuq cruise li joħodhom f’ġita madwar il-Mediterran.
Dan grazzi għall-kumpanija Mifsud Brothers li flimkien mal-Viking Cruises ħolqot esperjenza effiċjenti ta’ kif t-turisti permezz ta’ titjira diretta mill-ajruport ta’ Newark fi New York għall-mitjar Malti, fi ftit ħin jiġu trasferiti għall-vapur fil-Port il-Kbir.
ONE News segwa l-proċess kollu hekk kif żar il-mitjar u assista għall-wasla tal-ajruplan tal-Lufthansa li huwa wkoll l-akbar ajruplan li jtir fl-ajruport Malti.
Hemmhekk ONE News tkellem mad-Direttur Maniġerjali tal-kumpanija Maltija, Ivan Mifsud.
Huwa spjega l-proċess effiċjenti li bih il-passiġġiera b’titijira diretta jaslu Malta, u b’sempliċi app jgħaddu mill-ajruport fi ftit minuti.
Mifsud qalilna, “Malli joħorġu minn hemmhekk jaraw lit-tim tiegħi bl-umbrellel u s-signs tal-Viking u jimxu sal-coaches. Aħna l-coaches nimlewhom sa mhux iżjew minn 20% jew 25% biex inkunu within l-protocols ta’ Malta imma biex inkunu iktar siguri u biex nibgħatuhom lejn il-Valletta Cruise Port mill-aktar fis possibbli.”
Mifsud spjega wkoll kif qed ikun innutat kif dawn it-turisti li qed jiġu permezz ta’ din it-titjira, qed iħallu dħul tajjeb fl-ekonomija Maltija.
Huwa sostna: “Ħafna minnhom qed ninnutaw li jiġu minn tliet ijiem qabel u jagħżlu huma l-lukandi u qed nara l-lukandi boutique tal-Belt, fl-Imdina, San Ġiljan jiġifieri dan il-flight cruise operation, il-flus qed jiffiltraw fl-ekonomija Maltija.”
Minn hemmek ONE News żar il-Valletta CruisePort fejn tkellem ma’ Massimo Schembri li huwa wkoll id-Direttur tal-Operat tal-kumpanija. Huwa sostna l-ittestjar rigoruż li qed isir fuq il-passiġġiera sabiex jiġi evitat tixrid tal-Covid-19.
Huwa stqarr: “Xħin imorru direttament abbord qabel ma jagħmlu ċ-check-in jsaqsuhom ċertu domandi, jekk ikunux ma jifilħux, domandi normali ta’ saħħa u meta jitilgħu abbord jittieħdilhom PCR swab u jistennew li sal-lejla joħroġ ir-riżultat. Dan il-PCR Swab jibqa’ jsir matul l-għaxart ijiem cruise, jiswabjawhom kuljum kemm lill-passiġġieri u kemm lill-crew.”
Il-vapur tal-Viking huwa wieħed lussuż immens u joffri esperjenza li wieħed diffiċli jinsa fuq cruiseliner li tħallas għalih u miegħu tieħu prattikament kollox, sax-xorb tal-inbid u anki l-eskurzjonijiet fil-postijiet fejn isorġi l-vapur.
Intant hekk kif ONE News kien qed jsegwi l-proċess sabiex it-turisti jitilgħu fuq il-vapur, koppja Amerikana tkellmet magħna dwar il-proċess effiċjenti għall-aħħar u anke l-isbuħija tal-port Malti u l-istorja ta’ pajjiżna.
Huma qalulna, “A lot of people but I think it was moving smoothly and everybody seemed to be getting right through very easily. A lot of planes came in at the same time so it was a little crowded but it went along very smoothly. Malta is fantastic this is the second time we have been here. This time we are very interested to be going to Gozo and see the ruins there.”