Meta ftit tal-jiem ilu kien milħuq l-ogħla peak tal-enerġija ġġenerata fl-istorja, 410mW, li kieku l-Gvern ta’ widen għal dak li qal il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, kien ikun hawn nofs Malta bla dawl li kien ifisser li f’din il-kesħa li qed tagħmel, il-familji Maltin u Għawdxin ma kinux jistgħu jsaħħnu djarhom.
Dan qalu l-Partit Laburista fi stqarrija.
Il-Partit osserva li Simon Busuttil qed ikompli jinsisti li m’hemmx bżonn powerstation ġdida li mhux biss tfisser allura li se nibqgħu nagħmlu użu mill-aktar fuel li jħammeġ; il-heavy fuel oil, mhux biss li jkollhom jerġgħu jgħolew il-kontijiet tad-dawl u l-ilma, iżda hija kundanna ċara li l-poplu Malti u Għawdxi jkollu jagħmel minn tal-inqas mas-700 siegħa bla dawl.
Busuttil qed jibqa’ jippersisti b’dan minkejja li l-Kummissjoni Ewropea tat l-approvazzjoni tagħha għall-proġett tal-enerġija u l-Viċi President tal-istess Kummissjoni fl-istess Parlament fejn il-Kap tal-Oppożizzjoni għajjar lill-kulleġġ sħiħ, qal li l-Kummissjoni ma tistax tkun kontra meta dan il-proġett ifisser; qalba għall-gass, kontijiet orħos, inqas emmissjonijiet u azzjoni ċara minn pajjiżna kontra l-ġlieda tat-tibdil fil-klima.
Fi kliem il-PL, “minkejja dan Simon Busuttil qed jinsisti u li kien għalih, f’din il-kesħa, kien ikun hawn nofs Malta bla dawl. Simon Busuttil m’għandu l-ebda idea fil-qasam tal-enerġija u jrid sempliċiment ireġġa’ l-arloġġ lura”.