Lejlet Halloween, kelb midrub safa imwaddab minn tieqa ta’ karozza miexja u tħalla għall-mewt.
Fortunatament żewġ nisa b’qalb tajba ġabru lill-kelb u ħaduh fl-eqreb għassa tal-Pulizija, fi New York fl-Istati Uniti. Il-Pulizija li kien qed imexxi dak il-ħin, Jon David-Hill, iddeċieda li jċempel lill-għaqda li tħares id-drittijiet tal-annimali, li qalulu li minħabba l-feriti gravi li kellu l-kelb, ma setgħu jagħmlu xejn ħlief iraqqduh.
X’ħin sema’ hekk, il-Pulizija tant iddispjaċih li ddeċieda jaddotta lill-kelb għax ma riedx li “wara martirju bħal dan ma jkollu ebda ċans ta’ ħajja aħjar”.
Iddeċieda li jsemmieħ Jack u ħadu l-isptar tal-annimali, fejn qalulu li l-aħjar għażla tkun dik li titneħħilu sieq minnhom biex jirnexxielu jaqleb għall-aħjar.
“Jack illum-il ġurnata fieq għal kollox. Sar jilgħab bil-ballun, jitla’ fuq is-sufan, jaqbeż, jiġri. Kollox jagħmel bażikament!” qal sidu l-ġdid, li minn dan il-kelb abbandunat sab ħabib.