- IL-PRIM MINISTRU U MICHELLE MUSCAT SE JIFTĦU LIBELL FIL-KONFRONT TA’ DAPHNE CARUANA GALIZIA
Il-Prim Minsitru Joseph Muscat ċaħad bl-aktar mod kategoriku dak li ġie allegat fl-aħħar sigħat minn Daphne Caruana Galizia u l-mezzi tax-xandir tal-Partit Nazzjonalista. Qal li hu u martu, meta daħlu għall-ħajja politika, għamlu l-inqas ammont possibbli ta’ libelli. Kemm ilu fil-ħajja pubblika għamel biss libell wieħed.
Fi kliem il-Prim Ministru: “iddeċidejna li qatt ma nagħtu kas lil Daphne Caruana Galizia minkejja li gidbet fuqna, ipprovat tavvelixxi lilna, lill-ġenituri tagħna, anke wara li mietet omm il-mara, anke wara li missier marti ġie rikoverat, anke fuq il-ġenituri tiegħi u anke fuq uliedna. Gibda bħal din ma nistax inħalliha għaddejja. Speċjalment meta sostnuta mill-Kap tal-Oppożizzjoni u mill-mezzi tax-xandir tiegħu.
Jien qed hawn quddiemkom biex inkun ċar ħafna li jekk hemm xi forma ta’ prova, din tinħareġ. Nisfida li din tinħareġ b’mod immedjat. Xejn ma nsekludi li jkun hemm min jipprova jagħmel falsifikazzjonijiet.
Mal-ewwel okkażjoni fis-sigħat li ġejjin se nibdew proċeduri legali ta’ libell kontra Caruana Galizia u kontra l-mezzi tax-xandir tal-Kap tal-Oppożizzjoni”.
Il-Prim Ministru qal li l-politika ma tirbaħiex kif qed jagħmel Simon Busuttil. “Jekk ħaseb li se jtellifli s-serenità, żbaljat. Nappella biex kulħadd iżomm il-kalma. Nerġa ngħid li nisfida bl-iktar mod pubbliku mhux biss lill-Kap tal-Oppożizzjoni u lil Daphne Caruana Galizia, imma kull min għandu nitfa informazzjoni. Nistenna li jkun hemm awtentikazzjoni sħiħa ta’ dak li jista’ jingħad. Dan qed ngħidu f’mument li jiddispjaċini li qed nibgħatu sinjal ikraħ lil min irid jidħol fil-politika. Jien mhux se naqa’ f’dawn il-bassezzi. Se nżomm il-ġlieda politika fuq l-ideat” żied jgħid Joseph Muscat.