- VIĊIN FTEHIM BIEX JIKKONTESTA L-ELEZZJONIJIET TAL-MEPS
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, u l-Kap ta’ qablu, Simon Busuttil, jidher li qed jaqblu fuq ħaġa waħda. Dik li l-karriera politika ta’ Simon Busuttil għandha tissokta Brussell billi dan jikkontesta l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. Simon Busuttil li tul is-snin dejjem kien imbuttat mill-establishment tal-Partit Nazzjonalista spiċċa sofra l-ikbar disfatta politika fl-istorja tal-istess partit bit-tmexxija tiegħu tfisser telfa wara l-oħra u saħansitra partit fallut. Għaldaqstant qed iqis li l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, fejn x’aktarx iġib ammont ta’ voti minħabba li huwa eks Kap, tkun l-okkażjoni fejn jinġabar xi ftit.
Adrian Delia m’għandux problema b’dan. Għax iqis li aħjar bih fi Brussell milli fil-grupp Parlamentari ta’ Malta fejn fl-aħħar jiem kien fost grupp ta’ dissidenti li vvutaw kontra mozzjoni minn tiegħu. Fil-fatt, imkejjen fid-Dar Ċentrali sostnew li Delia ilu jgħid li Busuttil jistħoqqlu li joħroġ għall-Parlament Ewropew. Naturalment, bl-iskop imur ferm lil hinn minn dak altruwistiku favur eks Kap li fl-aħħar mill-aħħar ħadem kemm felaħ kontra Delia.
Huwa f’dan id-dawl li Simon Busuttil qed jissokta b’kampanja kontinwa. Mhux biss billi huwa biċċa waħda mas-suppost soċjetà ċivili tant li jattendi u jippromwovi l-attivitajiet tagħha iżda wkoll billi għadu juża l-midja soċjali biex jirreklama kull diskors jew intervent li jagħmel, b’ħafna mill-posts tiegħu fuq Facebook jidhru bħala sponsored.
Il-kandidatura ta’ Simon Busuttil hija wkoll skuża tajba għal Delia biex jekk ma jmurx tajjeb kemm jixtieq f’dawn l-elezzjonijiet, li internament qed jingħad li jrid jipprova jirbaħ minkejja l-istħarriġ riċenti, ikun jista’ jgħid li fil-lista kien hemm Simon Busuttil u għalhekk mhuwiex biss tort tiegħu.
L-agħar ħaġa li tista’ tiġrilu hi jekk it-tielet siġġu jsir diffiċli biex jinkiseb għax hemm jitfa’ f’taqtigħa lil Roberta Metsola u David Casa li qed iħossu pressjoni b’dik il-kandidatura u anke bil-fatt li diġà ħabbar li se jikkontesta Frank Psaila li qal li jrid paġna ġdida. Botta diretta ferm lejn l-MEPs preżenti. Se jikkontesta wkoll Francis Zammit Dimech li fil-PN qed iqisuh bħala non-starter anke jekk biex iżid iċ-ċansijiet tiegħu mistenni jintensifika l-kampanja kontra Malta kif għamlu sa issa David Casa u Roberta Metsola.