Il-forzi tas-sigurtà fi Brussell sparaw fuq raġel fl-istazzjon ċentrali f’dak li huwa maħsub li kien se jkun attakk ieħor terroristiku permezz ta’ bomba.
Ir-rapporti fil-midja Belġjana qalu li r-raġel kien liebes ċintorin bl-isplussiv u twaqqaf fil-ħin mill-forzi tal-ordni. Ilbieraħ filgħaxija l-pjazza ewlenija tal-Belt, il-Gran Place, kienet evakwata. Huwa mifhum li f’dak li qed jiġi meqjus bħala attakk terroristiku ma ndarab ħadd iżjed.
L-istazzjon li fih seħħ dan l-attakk, huwa wieħed minn tliet stazzjonijiet ewlenin fi Brussell.
Din mhix l-ewwel darba li Brussell qed jisfa fil-mira tat-terroristi. Is-sena li għaddiet 32 persuna mietu wara attakk fl-ajruport mill-Istat Iżlamiku. Attakk li fih indarbu ukoll numru ta’ Maltin.