Il-kumpanija tal-ajru British Airways issospendiet it-titjiriet kollha lejn il-kapitali Ċiniża wara li n-numru ta’ nies infettati bil-marda tal-Coronavirus kiber b’mod allarmanti.
Il-kumpanija ssospendiet ukoll il-bookings kollha fuq is-sit tagħha sax-xahar ta’ Marzu wara li l-Uffiċċju Internazzjonali ħareġ twissija li n-nies għandhom jivjaġġaw biss għal raġunijiet t’urġenza.
Il-kumpanija Virgin Atlantic wissiet lill-klijenti tagħha li dawk li ser jivjaġġaw miċ-Ċina jew Hong Kong bejn id-dati tat-22 u d-29 ta’ Jannar għandhom ibiddlu d-data tat-titjira, ibiddlu d-destinazzjoni tagħhom jew isaqsu għal flushom lura.
Sorsi internazzjonali qed jirrapurtaw li Brittaniċi li jirritornaw lura lejn pajjiżhom ser jinżammu fi kwarantina għal ġimagħtejn iżda l-post fejn dawn ser jinżammu għadu mhux magħruf.
F’dan l-aħħar 24 siegħa mietu 26 persuna fiċ-Ċina biex b’hekk in-numru ta’ nies li mietu tela’ għal 132 u n-numru ta’ nies konfermati li laqqtu l-marda tela’ għal kważi 6,000. Żieda ta’ 1,459 każ mit-Tlieta li għadda.
http://www.one.com.mt/2020/01/29/mijiet-ta-barranin-evakwati-mill-belt-ta-wuhan/