Il-Prinċep William magħruf ukoll bħala d-Duka ta’ Cambridge awgura lit-tim Nazzjonali Ingliż għall-finali kontra l-Italja fit-turnew storiku tal-Euro 2020 li ser tintlagħab fil-grawnd ta’ Wembley.
Id-Duka stqarr li għadu ma jistax jemmen x’se jiġri fis-sigħat li ġejjin filwaqt li qal li jinsab eċitat u awguralhom.
Hu rrimarka li t-tim nazzjonali joħroġ fost l-aqwa karatteristiċi fl-Ingliżi u sostna li l-pajjiż kollu jinsab wara t-tim tal-futbol.
Saħansitra qalilhom il-frażi tant popolari, “Bring it home.”
Dan filwaqt li r-Reġina Eliżabetta bagħtet messaġġ personali lill-kowċ tat-tim, Gareth Soutgate fejn irrakkontat l-esperjenza tagħha hi u ssegwi lill-Ingliżi jkunu kkurunati bħala r-rebbieħa tal-World Cup fl-1966.
Ir-Reġina bagħtet l-awgurju tagħha u tal-familja tagħha lit-tim Ingliż talli rnexxielhom jaslu f’dan l-istadju tat-turnew filwaqt li bagħtet l-isbaħ xewqat għal-logħba bit-tama li l-istorja mhux biss tirrikonoxxi s-suċċess tat-tim iżda tikkunsidra wkoll l-ispirtu u s-sens ta’ kburija li kkompetew bih.
Min-naħa tiegħu l-Prim Ministru Boris Johnson kiteb ittra simili lit-tim fejn qalilhom li rnexxielhom iferrħu pajjiż sħiħ fost il-kriżi tal-pandemija.
Johnson kiteb ukoll li l-Ingliżi jafu li t-tim li jirrappreżentahom kapaċi jgħollu t-trofew ukoll.