Il-preparamenti għal BRILLANTI DANCE li se jibda fi Frar fuq ONE għaddejin ġmielhom. Dan is-sit tkellem ma’ Joseph Chetcuti l-moħħ wara din il-produzzjoni televiżiva, fejn qalilna li kollox jinsab preparat biex is-segwaċi ta’ ONE isegwu din il-kompetizzjoni fi spettaklu televiżiv.
”Fadal ftit ġimgħat u ma tistgħux timmaġinaw l-eċitament u l-emozzjoni mhux biss fit-tim tal-produzzjoni ta’ Brillanti iżda wkoll f’dawn il-persuni Maltin u Għawdxin li se jipparteċipaw li kollha kemm huma għandhom ħolma waħda, dik li jirbħu €15,000 fi flus kontanti. Xi ħaġa sabiħa mmens u din hija l-ewwel darba li se jkun hemm premju sabiħ għal kompetizzjoni taż-żfin bħal din”
JOSEPH CHETCUTI – PRODUTTUR U PREŻENTATUR
BRILLANTI kien ġa xxandar is-sena li għaddiet bl-ewwel edizzjoni tiegħu. Din is-sena BRILLANTI se jkun qed jiffoka fuq iż-żfin u se jinkludi diversi stili ta’ żfin, bħal ballet klassiku, il-liriku, il-jazz, il-hip hop, il-break dance u aktar. Il-ġurija se tkun waħda internazzjonali, esperti fis-settur tagħhom. BRILLANTI DANCE se jkun spettaklu fuq ONE, mimli emozzjonijiet, sfidi u kompetizzjonijiet.