It-tħejjijiet għall-ispettaklu televiżiv BRILLANTI DANCE fuq ONE jinsabu fl-aqwa tagħhom. BRILLANTI DANCE se jibda jkun ta’ kumpanija għat-telespettaturi kull nhar ta’ Ġimgħa filgħaxija u se joffri eċitament u emozzjonijiet mhux biss għall-parteċipanti li se jieħdu sehem, imma wkoll għat-telespettaturi li se jkunu qed isegwu mid-dar.
BRILLANTI DANCE se joffri sfidi lill-parteċipanti kollha b’diversi stili differenti ta’ żfin, bħall-break dance, hip hop, ballet klassiku, u l-jazz.
Il-ġurija tinkludi lil Brenda Lee Grech – żeffiena Maltija li tizfen mal-Immersion Theatre Punchdrunk fl-Ingilterra. Hemm ukoll Andrea Attila li huwa korjografu taljan li beda l-karriera tiegħu fil-programm Amici u li għandu isem fil-kamp taż-żfin kummerċjali taljan u Patrick Odamatey magħruf bħala P-Dog li huwa żeffien rinomat u ta’ esperjenza fl-istreet dance li rebaħ ’il fuq minn tmenin kompetizzjoni madwar id-dinja.
Tlabna lil Joseph Chetcuti jgħid lil One News għaliex it-telespettaturi għandhom jagħżlu Brillanti Dance.
“Għaliex huwa prodott verament Malti, Malti Doc, il-produzzjoni tal-One u t-tim tiegħi ta’ Brillanti għandu verament prodott mill-ifjen, brillanti pero ħa neżaltaw u nippremjaw iż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin, ejja nissaportjawhom, ejja nissaportjaw dan il-livell għoli, ħalli naraw flimkien min se jkun ir-rebbieħ, din is-sena ta’ Brillanti Dance, inweghdkom ħafna kompetizzjoni, ħafna emozzjoni u bla dubju ta’ xejn, taraw it-talent Malti fl-ifjen tiegħu. Brillanti żgur mhux se jiddiżapuntakom.”
Ir-rebbieħ ta’ BRILLANTI DANCE se jirbaħ €15,000 fi flus kontanti. Din se tkun l-ewwel darba li se jkun hemm premju sabiħ hekk għal kompetizzjoni taż-żfin.
“Ir-rebbieħ se jirbaħ 15,000 ewro u anki l-opportunita unika li jipparteċipa f’rappreżentazzjoni tal-Malta Tourism Authority, fil-fatt kellna ’l fuq minn mitejn applikant u ħa jkollna livell verament għoli.”
BRILLANTI DANCE se joffri spettaklu għall-familja kollha, mimli emozzjonijiet, sfidi u kompetizzjonijiet, kull nhar ta’ Ġimgħa, fit-tmienja u nofs ta’ filgħaxija, fuq ONE.