Feriti li għadhom ma ngħalqux. Nuqqas ta’ stabbiltà interna. Iffukat fuq il-kunflitti interni.
Hija din il-qagħda tal-Partit Nazzjonalista ta’ Bernard Grech skont is-soċjologu u eks kandidat Nazzjonalista Michael Briguglio.
Waqt intervista minn Glen Falzon waqt il-programm ‘Insights’ fuq ix-xandir pubbliku, huwa qal li l-Partit Nazzjonalista huwa mifni b’diżgwid u konfronti fi ħdanu u għad għandu ħafna x’jirranġa biex ikollu l-istabbiltà li wieħed jistenna minn partit tal-Oppożizzjoni. B’kuntrast, f’għajnejn il-Maltin u l-Għawdxin, il-Partit Laburista joffri sens ta’ stabbiltà u serħan il-moħħ (“a pair of safe hands”).
Michael Briguglio jagħti dan bħala waħda mir-raġunijiet għad-differenza kbira fl-appoġġ tan-nies lejn iż-żewġ partiti ewlenin.
“Waħda mir-raġunijiet, mingħajr ebda dubju, hija li fil-Partit Nazzjonalista m’hemmx dik l-istabilità li wieħed forsi jixtieq li jara minn partit tal-Oppożizzjoni.”
Tant il-kunflitti interni huma l-element ewlieni li qed jiddefinixxi lill-Partit Nazzjonalista, li Michael Briguglio reġa’ għamel referenza għalihom għal aktar minn darba waqt l-intervista.
Huwa identifika wkoll it-tneħħija ta’ Adrian Delia minn postu bħala l-Kap tal-Partit ftit aktar minn sentejn ilu bħala “inġusta ħafna” u wissa li dik il-ferita għadha miftuħa.
“Il-PN ġej minn ħafna konfronti interni. Rajna t-tneħħija ta’ Adrian Delia sentejn ilu, li fl-opinjoni tiegħi kienet waħda inġusta ħafna, il-mod kif tneħħa Adrian Delia, u ċerti feriti għadhom ma ngħalqux. L-ikbar challenge għall-PN, naħseb jien, hija li jżomm jew jibni l-istabilità interna.”
Minn mindu tqaċċat minn postu Adrian Delia, mhux darba jew tnejn li l-kunflitti interni li rrefera għalihom Michael Briguglio splodew fil-beraħ. Kien hemm każijiet meta saħansitra Bernard Grech jew esponenti tal-establishment tal-Partit u Adrian Delia u deputati tal-fazzjoni tiegħu spiċċaw jilletikaw, jew saħansitra jitgħajru u jgiddbu lil xulxin, pubblikament. Ħarġu fil-beraħ ukoll sforzi biex il-midja tal-PN tiċċensura lil Delia, fost l-oħrajn.
Is-sorsi ta’ One News f’Tal-Pietà jsostnu li dak hu biss li ħareġ fil-pubbliku, aħseb u ara x’hemm għaddej iktar fil-kurituri f’Tal-Pietà.