Id-diretturi tal-kumpanija Nexia BT Brian Tonna u Karl Cini rebħu żewġ libell fil-konfront ta’ The Malta Indepedent dwar artikli li rriżultat li kienu libellużi u malafamanti. L-artikli dehru f’The Malta Independent on Sunday u The Malta Independent Online rispettivament dwar il-każ tal-Panama Papers, u kien ibbażat fuq storja miktuba mill-blogger Daphne Caruana Galizia.
L-artiklu allega li dokumenti tal-Bank HSBC juru li Keith Schembri u Malcolm Scerri ntalbu jgħaddu tagħrif minn BTI Management Ltd, kumpanija ta’ Nexia BT li hija ta’ Brian Tonna u Karl Cini, għall-kumpaniji sigrieti tagħhom fil-British Virgin Islands.
Brian Tonna u Karl Cini kitbu lill-gazzetta biex jekk l-artiklu ma jiġix irtirat, se jiftħu libell. Dan filwaqt li rreferew ukoll għall-kummenti li kien hemm mingħand xi qarrejja li kienu malafamanti. Dan ippruvatu wkoll il-Qorti, li esprimiet tħassib serju dwar l-użu ħażin tal-kummenti li jingħaddu fuq artikli li jiġu ppubblikati.
Il-Maġistrat Francesco Depasquale qal li d-diriġenti tal-ġurnal huma ħatja ta’ malafama fil-konfront ta’ Brian Tonna u Karl Cini. Il-Qorti ordnat li Tonna u Cini jingħataw €3,000 għad-danni li sofrew minħabba l-każ.
Fi stqarrija, Nexia BT qalet li dawn il-flus se jingħataw lil Dar Bjorn bħala donazzjoni.