It-Tlieta filgħaxija l-Parlament Ingliż ivvota bil-qawwa kontra l-ftehim maqbul bejn il-Prim Ministru Ingliż Theresa May u l-Unjoni Ewropea dwar Brexit.
B’202 voti favur u 432 vot kontra, kien hemm oppożizzjoni qawwija għall-ftehim ta’ Brexit. L-ewwel reazzjoni għal dan il-vot wasslet mill-Prim Ministru Theresa May li qalet li filwaqt li tirrispetta d-deċiżjoni tal-vot fil-Parlament, il-vot ma jirriflettix x’iridu ż-żewġ naħat mill-ftehim.
Minkejja dan qalet li r-rappreżentanti tal-poplu Ingliż għandhom ukoll jirrispettaw ir-rieda tal-poplu li f’Ġunju ta’ tliet snin ilu vvota favur Brexit.
Il-mexxej tal-Partit Laburista Ingliż Jeremy Corbyn saħaq li dan kien vot ta’ sfiduċja fil-Gvern ta’ May wara li sentejn ta’ negozjati mal-Unjoni Ewropea spiċċaw ma wasslu għal xejn. Qal li dan kien l-akbar vot fejn Gvern ġie sfiduċjat f’100 sena u għalhekk ressaq mozzjoni ta’ sfiduċja fil-Gvern Ingliż:
Madankollu, l-probabilità li May titlef il-vot hija remota ħafna hekk kif il-Partit Demokratiku tal-Unjoni tal-Irlanda ta’ fuq u l-membri mill-partit konservattiv mistennija jivvutaw favur il-prim ministru Ingliż.
Id-dibattitu dwar il-vot fetaħ b’Jeremy Corbyn ifisser il-Gvern ta’ May bħala “Zombie Government” għax ma jistax jiggverna. Saħaq li l-prim ministru May issa għandha tagħmel dak li hu sew u tirriżenja. Għal dan hija qalet li elezzjoni ġenerali issa mhix fl-interess nazzjonali.
B’reazzjoni għall-vot spikkaw il-kummenti tal-President tal-kunsill Ewropej, Donald Tusk u l-President tal-Kummisjoni Ewropea, Jean-Claude Juncker.
Juncker ħeġġeġ lir-Renju Unit sabiex jiċċara l-intenzjonijiet tiegħu filwaqt li nnota li l-ġurnata ta’ Brexit, id-29 ta’ Marzu qed tersaq ġmielha.
Minn naħa l-oħra Tusk staqsa minn se jkollu l-kuraġġ jgħid x’inhi l-unika soluzzjoni pożittiva għal din is-sitwazzjoni.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Aaron Farrugia, saħaq li l-gvern Malti laqa’ b’diżappunt il-vot li ttieħed fil-Parlament Ingliż u spjega x’toroq fadlilha l-Ingilterra wara l-iżvolta tal-bieraħ. Huwa spjega li “l-options huma allura li tintalab extension taż-żmien biex ir-Renju Unit joħroġ iktar tard u mhux f’Marzu, u allura jkun hemm iktar żmien li wieħed jista’ jinnegozja imma wkoll hemm possibilità kbira ta’ no deal. Xi ħaġa li ħadd ma jixtieq imma li kull pajjiż diġà preparat għaliha”.