Is-suq Ingliż ifisser 30% tas-settur turistiku Malti. Id-djufija tal-isterlina tista’ taffetwa lit-turist Ingliż, għaliex huwa aktar għoli għalih biex jiġi pajjiżna. Iżda għadu kmieni, u din is-sitwazzjoni għandha tistabilizza.
Dan qalu l-Ministru Edward Zammit Lewis waqt seminar tal-MHRA b’reazzjoni għad-deċiżjoni tar-Renju Unit li joħroġ mill-Unjoni Ewropea.
Tkellem dwar is-settur tal-avjazzjoni, u qal li seba’ linji tal-ajru joperaw lejn ir-Renju Unit taħt l-Open Skies Directive. Issa wieħed irid jara x’se jinnegozja r-Renju Unit f’dan ir-rigward, ċioe kemm se jibqa’ liberalizzat is-settur tal-avjazzjoni fir-Renju Unit.
Dawn, stqarr Zammit Lewis, huma lkoll suġġetti li Malta trid tħares lejhom f’ambitu ta’ ftehim bilaterali, li pajjiżna jeħtieġ jagħmel mar-Renju Unit bħala pajjiż terz. Jeħtieġ li Malta tkun proattiva biex dan iseħħ, stqarr il-Minsitru, filwaqt li żied jgħid li hija sfida kbira. Madanakollu mhux qalbu maqtuha, u m’għandux dubju li anke din id-darba, Malta se timxi ‘l quddiem. Lil’hinn mid-diffikultajiet, kompla jgħid il-Ministru, din tista’ tkun sitwazzjoni li toffri opportunitajiet lil kulħadd, u ssarraf f’vantaġġi.
“Se nirreaġixxu fl-iqsar żmien possibbli għal kull eventwalità, fl-aqwa interess tal-ekonomija Maltija” temm jgħid il-Ministru.
Imprendituri u negozjanti kienu kollha tal-fehma li għadu kmieni biex wieħed jiddeterminaw is-sitwazzjoni, imma l-ikbar impatt se jirriżulta mill-isterlina u l-fatt li biex tiġi Malta, żdied il-prezz. Madanakollu kienu persważi li jekk jonqsu turisti mir-Renju Unit, kapaċi jkunu ikkompensati b’turisti minn swieq oħra.