Il-ftehim rivedut tal-Prim Ministru Ingliż Theresa May għal Brexit ġie sfiduċjat illejla fil-Parlament.
B’distakk ta’ mija u disgħa u erbgħin vot, il-ftehim għal Brexit reġa’ ma ġiex approvat.
Filfatt kien hemm tliet mija, wieħed u disgħin vot kontra l-ftehim ta’ Brexit filwaqt li mitejn, tnejn u erbgħin membru parlamentari vvota favurih.
Wara dan ir-riżultat, il-Prim Ministru Ingliż indirizzat il-House of Commons u sostniet li għada se jkun hemm dibattitu dwar jekk ir-Renju Unit jixtieqx iħalli l-Unjoni Ewropea mingħajr ftehim.
Hija sostniet li ddispjaċiha li l-membri parlamentari Ingliżi m’aċċettawx il-ftehim tagħha għal Brexit.
Sadanittant il-mexxej tal-Partit Laburista Ingliż Jeremy Corbyn saħaq li dan il-vot jikkonferma l-bżonn ta’ elezzjoni ġenerali fir-Renju Unit.
Huwa saħaq li lest jaħdem mal-Gvern Ingliż sabiex jiġi negozjat ftehim ġdid għal Brexit.