Waqt stqarrija ministerjali fil-Parlament, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li mill-vot Brexit, l-Unjoni Ewropea trid tieħu tagħlima u tinbidel.
Anke jekk s’issa ma urietx dan bil-Prim Ministru jirreaġixxi għar-reazzjoni Ewropea u jgħid: “L-ewwel nett, rajna laqgħa tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tas-sitt pajjiżi fundaturi. Dan kien eżattament dak li ma kellux isir. L-Ewropa li dħalna fiha ma għandhiex tagħmel distinzjoni bejn pajjiż u ieħor. L-idea ta’ grupp ta pajjiżi fundaturi hija nostalġika u sorpassata bir-realtajiet ġeopolitiċi tal-lum il-ġurnata. Intbagħat messaġġ ħażin li darras.”
Il-Prim Ministru qal li “irridu Unjoni Ewropea tal-bread and butter issues li titkellem bil-lingwa ta’ kull membru ta’ din l-Unjoni b’mod li tinftiehem minn kulħadd f’kull rokna fl-Ewropa.
Żied li l-Unjoni Ewropea trid tkun waħda ħafna iktar flessibbli. “Li tkun imsejsa fuq prinċipji u valuri u tilleġisla fejn jidħol il-ġid komuni. Trid tifhem li kull pajjiż, anzi, kull ċittadin Ewropew, għandu r-realtajiet tiegħu li kultant lanqas il-Gvern tal-pajjiż ma jifhem, aħseb u ara kemm se jifhimhom burokratiku fi Brussels,” qal il-Prim Ministru.
Kompla jgħid li trid tkun Ewropa li tifhem ir-realtajiet differenti u tħalli biżżejjed spazju biex id-deċiżjonijiet jittieħdu mill-Gvern tal-pajjiż.
“Deċiżjoni f’Helsinki, Ruma, Bucharest jew Valletta għandhom jittieħdu mill-pajjiż mhux fi Brussell.”
B’ton ta’ kritika żied ukoll li l fatt li ħafna mid-diskussjoni qed tiċċentra fuq il-famuż Artiklu 50 juri l-istat ta’ moħħ tal-Unjoni Ewropea. “Bi tweġiba għall-akbar kriżi politika mit-twaqqif tagħha, tiffoka fuq diskussjoni teknika,” qal Muscat.
Muscat qal li jifhem l-importanza tal-invokazzjoni ta’ Artiklu 50, iżda hemm bżonn li d-diskussjoni tiffoka fuq l-affarijiet li mmotivaw lill-maġġoranza fir-Renju Unit tivvota kontra, għaliex jemmen li dawk il-motivazzjonijiet mhumiex konfinati għar-Renju Unit.
B’referenza għall-impatt ta’ Brexit fuq pajjiżna, Muscat qal li Gvern huwa ppreparat.
“Id-deċiżjonijiet li ħadna f’dawn it-tliet snin biex inkabbru l-ekonomija b’rata rekord u ma nberbqux kif xi drabi kien il-parir minn uħud f’din il-kamra, tana ċ-ċans insewwu s-saqaf waqt li kien bnazzi fl-eventwalità ta’ xokk qawwi internazzjonali.”
Il-Prim Ministu saħaq li l-affarjiet mhux se jinbidlu drastikament mil-lum għall-għada. Dwar min jaħdem jew jistudja fir-Renju Unit, Muscat qal li se jibqa’ jaħdem fir-Renju Unit. Fi kliemu, il-proċess għadu ma bediex u huwa wieħed li jaf jieħu minn talinqas sentejn.