Ir-Renju Unit mistennija tħalli l-Unjoni Ewropea lejn l-aħħar tal-2019 minflok fil-bidu tal-istess sena kif bassru diversi politiċi. Is-Sunday Times Ingliża rrappurtat li d-dipartimenti li qed jieħdu ħsieb il-Brexit għadhom mhux lesti.
Fit-23 ta’ Ġunju, ir-Renju Unit ivvota biex iħalli l-Unjoni Ewropea iżda l-Prim Mnistru Ingliż Theresa May qalet li mhux se ddaħħal fis-seħħ “Artiklu 50” (il-proċess formali li jieħu sentejn biex iġib fix-xejn ir-relazzjoni bejn iż-żewġ partitjiet) din is-sena hekk kif il-pajjiż jeħtieġ aktar żmien biex jipprepara għan-negozjati.
F’Lulju li għadda, il-Ministru tar-Renju Unit għan-Negozju Internazzjonali, Liam Fox, qal li d-diskussjonijiet dwar Brexit mistennija jibdew fil-bidu tas-sena d-dieħla. Iżda elezzjonijiet ġenerali fi Franza u l-Ġermanja, li se jsiru f’Mejju u Settembru tas-sena d-dieħla, jistgħu wkoll jitfgħu lura l-bidu tan-negozjati fuq Artiklu 50.