Issa li r-Renju Unit skatta uffiċjalment il-proċess ta’ BREXIT, inħoloq element ta’ xettiċiżmu f’diversi industriji li se jwassal biex fil-futur qrib, ħafna kumpaniji jisparpaljaw madwar l-istati membri l-oħra, fosthom kumpaniji tal-gaming.
Minkejja li l-industrija tal-gaming diġà hija waħda mill-iktar promettenti f’pajjiżna, l-Awtorità Maltija għal-logħob qed tosserva mill-qrib dan iċ-ċaqliq u qed timbotta lil Malta biex tkun minn ta’ quddiem u tattira dawn il-kumpaniji lejn pajjiżna.
Ic-chairman eżekuttiv tal-Awtorità, Joseph Cuschieri stqarr magħna li din il-firda jidher li qed tintlaħaq u li l-industrija tal-gaming Maltija mistennija tkompli tespandi b’riżultat dirett ta’ BREXIT. Bi BREXIT għandha lir-Renju Unit li qed joħroġ, u kumpaniji li jitħajru jidħlu f’pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea. Malta mhix eċċezzjoni.
Sikwit titkellmu dwar il-‘futur promettenti’ tal-industrija tal-gaming. L-iżviluppi riċenti ta’ Brexit x’implikazzjonijiet se jkollhom fuq dan il-futur li qed tipprevedu?
Naħseb li fil-futur qrib, l-implikazzjonijiet ta’ Brexit se jkunu pożittivi.
Il-fatt li għandek ħafna inċertezza bil-proċess tat-tluq mill-Unjoni Ewropea, qed joħloq ħafna instabilità fis-settur, għax ovvjament ma nafux x’inhu l-pakett aħħari li r-Renju Unit se jinnegozja mal-Unjoni Ewropea.
Għandek il-ġurisdizzjoniji ta’ Ġibiltà, li hija f’kompetizzjoni diretta ma’ Malta fil-gaming, li tiddependi ħafna mill-Ingilterra u għalhekk kienet affettwata bil-kbir. Bħalissa qed naraw interess qawwi minn kumpaniji li għalkemm ilhom għal ħafna snin ibbażati f’Ġibiltà, issa qed iħarsu lejn Malta bħala ġurisdizzjoni alternattiva fejn jiċċaqalqu.
Dan l-interess qegħdin narawh pjuttost jakkumula b’rata mgħaġġla ħafna u dawn huma kumpaniji kbar ħafna, b’ismijiet promettenti fis-settur li s’issa mgħandhom l-ebda preżenza f’Malta.
Naħseb li jekk dawn il-kumpaniji kbar jiġu Malta mhux biss se jkomplu jsaħħu l-attività ekonomika ta’ Malta iżda se jsaħħu wkoll il-ġurisdizzjoni mill-att ta’ reputazzjoni- għax ħafna minnhom huma brands ta’ reputazzjoni kbira internazzjonalment. B’hekk ikomplu jżidu fl-attrazzjoni ta’ Malta bħala ġurisdizzjoni.
Il-futur fit-tul jiddependi iktar fuq il-pakkett innegozjat mal-Unjoni Ewropea fejn tidħol it-tassazzjoni u x’libertajiet Ewropej se jitħalla jżomm ir-Renju Unit. Iżda ikun x’ikun dan in-negozjat, l-MGA hija flessibbli biżżejjed biex tipprovdi dejjem iżjed miżuri li jżommu l-ġurisdizzjoni Maltija kompetittiva. Il-futur tal-industrija huwa promettenti irrispettivament mir-riżultat ta’ Brexit.
Jiġifieri l-industrija tal-logħob Maltija, f’dan il-punt hija l-iktar waħda kompetittiva fl-Ewropa?
Iva. Iżda dan ma jiġix b’ kumbinazzjoni- jiġi minħabba l-politika tal-gvern, minħabba l-viżjoni u l-attitudni li qed tieħu l-Awtorità fuq livell internazzjonali biex insostnu r-reputazzjoni ta’ Malta fuq skala internazzjonali.
F’Malta issib sistema ekonomika fejn għandek hub kbir ta’ kumpaniji u ħafna expertise u għarfien. Pereżempju, aħna l-iktar regolatur b’esperjenza fl-Ewropa f’dan is-settur- għandna 14-il sena esperjenza, ħafna iktar mir-regolaturi barranin.
Apparti minn hekk l-avukati lokali li jagħtu l-pariri lill-kumpaniji huma ta’ livell għoli, li jħabbtuha mal-ikbar esperti fuq livell internazzjonali.
Hemm ukoll fatturi oħra bħat-tip ta’ ħajja li ngħixu f’Malta, s-sigurtà u t-temp sabiħ, li huma fatturi indiretti li jżommu f’moħħhom il-kumpaniji barranin.
Dawn l-elementi kollha jagħmlu lil Malta pakkett attraenti ħafna. Nerġa’ ntenni li jekk nibqgħu għaddejjin b’ dan ir-rittmu, dan is- settur għandu futur promettenti ħafna.
X’kollaborazzjoni tagħmel l-MGA ma’ entitajiet barranin?
Aħna nżommu kuntatt kontinwu mal-operaturi u regolaturi barranin. Barra minn hekk, saru riformi interni biex l-Awtorità tkun iktar effettiva u effiċjenti.
B’ġurisdizzjoni, tkun qed toffri integrità u fiduċja, għalhekk servizz trasparenti u t’integrità huwa importanti biex tirregola settur bħall-gaming. Għalhekk saru ħafna bidliet biex l-Awtorità tirregola s-settur bl-ogħla livell ta’ professjonalità possibbli. Dan qed jiġi nnotat u apprezzat mill-industrija u l-istakeholders lokali u internazzjonali.
Dawn kienu sforzi importanti biex inkomplu nsaħħu r-reputazzjoni u l-kredibilità kemm tal-Awtorità u kif ukoll tas-settur inġenerali.
Ta’ sikwit tisħqu li hemm bżonn iktar Maltin jitħarrġu f’dan il-qasam. In-numru limitat ta’ Maltin li għandhom il-kapaċitajiet rikjesti mill-industrija tal-gaming qed jaħdem ta’ deterrent għal ċerti kumpaniji li jkunu qed ifittxu ġurisdizzjoni minn fejn joperaw?
Hemm bżonn li jkun hemm iktar Maltin li jidħlu fis-settur għax hemm ħafna opportunitajiet, però, hija diffiċli li nħarrġu biżżejjed nies f’dan il-qasam biex jieħdu l-postijiet tal-barranin kollha. Is-settur bilfors għandu bżonn il-barranin biex ikompli jikber b’mod sostenibbli.
Iżda nixtiequ li l-viżibilità tax-xogħlijiet fil-gaming tiżdied, biex it-tfal jibdew saħansitra minn Form 3, meta jibdew jiddeċiedu x’karriera se jieħdu, jisimgħu dwar l-opportunitajiet fl-industrija.
Forsi b’hekk nibdew naraw bidla mill-għażla tal-professjonijiet tradizzjonali għal professjonijiet iktar iffukati fuq it-teknoloġija, l-informatika u l-marketing fost oħrajn.
Għal dan il-għan fil-ġimgħat li ġejjin se tkun varata l-European Gaming Institute of Malta, li flimkien mal-imsieħba lokali se tkun akkademja li toffri taħriġ speċjaliżżat fuq il-gaming biex inżidu l-ħiliet u l-għarfien f’dan is-settur u b’hekk fil-futur naraw iktar Maltin jaħdmu f’dan is-settur.
Imma l-industrija tal-gaming, kif qed jibbenefika minnha Ċikku l-poplu, dawk li ma jaħdmux direttament ma’ dan is-settur?
Is-settur jaffettwa b’mod dirett lil min jaħdem fih, li bħalissa jlaħħqu madwar 9,000 ruħ, għax il-pagi fl-industrija tal-gaming huma ogħla minn dawk ta’ setturi oħrajn. Iżda apparti l-impjiegi diretti, is-settur jikkontribwixxi madwar €150 miljun f’taxxa fl-ekonomija Maltija fis-sena. Iktar minn hekk, wieħed irid iżomm f’moħħu li żewġ terzi mill-impjegati tal-gaming huma barranin.
Dawn jgħixu Malta, qed jikru l-appartamenti, jixtru s-servizzi u jikkonsmaw prodotti Maltin, imorru fir-restaurants u fil-bars, u allura l-ispill over effect tiegħu huwa kbir u jaffettwalek setturi differenti.