Il-Kummissjoni Ewropea ngħatat il-mandat uffiċjalment biex tibda t-taħdidiet mar-Renju Unit. Dan wara laqgħa tal-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, bid-Deputat Prim Ministru Malti, Louis Grech, jgħid li “se niffokaw biex nipprovdu ċarezza lil dawk milquta mid-deċiżjoni Brexit u nassiguraw seperazzjoni li timxi bl-aħjar mod.”
Il-Kunsill iltaqa’ speċifikament biex jiddiskuti artiklu ħamsin u Grech qal: “Ninsabu lesti, ninsabu magħquda u nidħlu għal dawn it-taħdidiet bl-aqwa rieda bil-għan li nilħqu ftehim.”
Id-direttiva għan-negozzjati tenfasizza prijorità fuq kwistjonijiet biex it-tluq tar-Renju Unit isir bl-aħjar mod, speċjalment fejn jidħlu d-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit. Prijorità wkoll il-kwistjonijiet finanzjarji, tal-fruntiera u s-suq komuni.
F’konferenza tal-aħbarijiet bejn in-negozjatur ewlieni Michel Barnier u Grech intqal li dan kollu għandu jiċċara l-affarijiet u jipprovdi ċertezza legali. Kien spjegat li huwa biss wara progress tajjeb li d-diskussjoni tkun tista’ timxi għall-fażi li jmiss u jibdew ikunu diskussi relazzjonijiet oħra.
“Stabbilixxejna l-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea fuq kwistjonijiet kruċjali,” temm għamilha ċara Grech li żied li l-Unjoni Ewropea għandha miri ambizzjużi.
Ritratt: Ray Attard