Fl-aħħar konferenza stampa dwar Brexit in-negozjatur ewlieni tal-Unjoni Ewropea Michel Barnier qal li għadu ma kienx hemm biżżejjed progress biex it-taħdidiet jidħlu fl-istadju li jmiss. kif jixtieq il-Gvern Ingliż.
Huwa qal li kien hemm “momentum ġdid” fil-proċess iżda għad hemm “stat mwaħħal” fuq dak li ġie msejjaħ bħala l-‘kont tad-divorzju’, li jirrigwarda l-ammont ta’ flus li l-Ingilterra se tkun mistennija tħallas lill-Unjoni Ewropea sabiex tkopri t-telf finanzjarju li l-ħruġ tagħha se jikkawża. Huwa sostna li dan huwa “inkwetanti”.
Iżda fi kliem Barnier “progress deċiżiv għadu possibli fix-xahrejn li ġejjin”.
Il-ħames rawnd tat-taħditiet ta’ din il-ġimgħa huwa d-diskussjoni finali qabel is-summit kruċjali tal-UE bejn id-19 u l-20 ta’ Ottubru.
Ir-Renju Unit ilu jittama li l-mexxejja tal-UE jiddeċiedu dwar li sar biżżejjed progress biex jinfetħu diskussjonijiet fuq il-futur kummerċjali- iżda s-Sur Barnier qal li ma jirrakkomandax li “jibdew d-diskussjonijiet dwar relazzjonijiet futuri” fis-summit.
Ir-Renju Unit mistenni jitlaq mill-Unjoni Ewropea fl-aħħar ta’ Marzu tal-2019.