Ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea baqalhom diversi affarijeit xi jsolvu u jiddiskutu qabel jilħqu ftehim dwar Brexit. Dan intqal wara laqgħa mhux skedata tard il-Ħadd filgħaxija fi Brussell.
Is-Segretarju għall-Istat Ingliż responsabbli minn Brexit, Domenic Raab, u r-rappreżentant Ewropew Michael Barnier, iltaqgħu sabiex ikomplu jinnegozjaw Brexit bil-għan li jippruvaw jilħqu ftehim qabel ma jitlaqqa’ l-Kunsill tal-Ewropa aktar tard din il-ġimgħa.
Fuq Twitter, Barnier stqarr li sa issa għadu ma ntlaħaqx ftehim u fost l-aktar li qed jinkwieta liż-żewġ partijiet, hemm il-possibiltà li tinħoloq fruntiera fiżika bejn l-Irlanda u r-Renju Unit. Fruntiera li tista’ tifred l-ekonomija taż-żewġ pajjiżi, u tpoġġi f’riskju l-unjoni tar-Renju Unit.
Kelliem għall-Gvern Ingliż qal li minkejja li sar progress fin-negozjati tad-dokument Chequers, li ġie ppreżentat aktar kmieni din is-sena mill-Gvern Ingliż, stqarr li baqa’ numru ta’ affarijiet li għadhom ma ssolvewx.
Jekk jibqa’ ma jintlaħaqx ftehim u Brexit jidħol fis-seħħ kif skedat is-sena d-dieħla, l-ekonomija Ingliża mistennija tieħu daqqa’ kbira hekk kif diversi swieq u setturi jiddependu mill-Unjoni Ewropea.
Il-Prim Ministru Ingliż Theresa May bħalissa tinsab għaddejja minn baraxx ta’ kritika minn diversi membri parlamentari miż-żewġ naħat tal-kamra hekk kif ħafna qed jgħidu li d-dokument Chequers, li ġie ppreżentat lill-Unjoni Ewropea, huwa inaċċettabbli.
Bħalissa Il-media Ingliża qed tirrapporta wkoll lil l-Partit Demokratiku Irlandiż, li għandu koalizzjoni mal-Partit ta’ May, jinsab lest sabiex jivvota kontra l-pjan tagħha minħabba diversi riperkussjonijiet li jista’ jkollha l-Irlanda. Jekk jiġri hekk, il-Prim Ministru Ingliż titlef il-maġġoranza tas-siġġijiet fil-Parlament u jkun hemm possibiltà li tissejjaħ elezzjoni ġenerali bikrija.