Għalqet il-votazzjoni – il-poplu tar-Renju Unit iddeċieda jridx jibqa’ jew le fl-Unjoni Ewropea.
Issa li ngħalqu l-postijiet ta’ votazzjoni, il-futur tar-Renju Unit hu deċiż.
X’se jiġri minn issa ‘l quddiem?
Il-voti se jingħaddu f’ 382 post differenti skont iż-żona ġeografika.
L-ewwel riżultat mistenni jkun dak tal-belt ta’ Sunderland għal ħabta tas-01:30 (ħin Malti), fejn hu mistenni li l-maġġoranza xxeqleb favur Brexit. Kif inhu mistenni li se jiġri fl-ibliet fil-Lvant tar-Renju Unit.
Il-voti favur ‘Remain’ mistennija jkunu b’ saħħithom fl-Iskozja, Londra, Cambridge u Oxford.
It-turnout tar-referendum mistenni joħroġ mal-05:00 (ħin ta’ Malta). Huwa stmat li jekk it-turnout ikun baxx, ir-riżultat ikun favur Brexit.
Ir-riżultati tal-ibliet il-kbar bħal Glasgow, Liverpool, Birmingham u Manchester mistennija joħorġu għal ħabta tas-sitta ta’ filgħodu. F’ dan il-punt, sakemm ir-riżultat ma jkunx viċin wisq, ikun hemm indikazzjoni ċara ta’ liem kamp rebaħ ir-referendum.
Għal ħabta tat-08:00 ir-riżultat aħħari jitħabbar f’ Manchester.