Ma jirriżultax li l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea ser iħalli xi impatt partikolari fuq il-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali, sew negattiv jew pożittiv.Meta wieġeb mistoqsija tal-membru parlamentari nazzjonalista Claudio Grech, il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali, Michael Falzon, qal li madanakollu, f’dak li għandu x’jaqsam mas-Sigurtà Soċjali, uffiċjali mid-Dipartiment għaddejin f’kuntatti kontinwi mar-Rapreżentanza Permanenti ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea u qed jiġu segwiti mill-qrib l-iżvillupi li qed ikun hemm fid-diskussjonijiet f’dan il-qasam partikolari.
Mhux biss, qal il-inistru Falzon, l-istess uffiċjali se jieħdu sehem f’laqgħat bilaterali mal-Kummisjoni Ewropea biex jiġu diskussi l-ħtiġijiet ta’ Malta fil-qasam tas-sigurtà soċjali b’konsegwenza ta’ dawn l-iżviluppi.
Huwa qal li bejn Malta u r-Renju Unit għad hemm fis-seħħ ftehim bilaterali dwar is-Sigurtà Soċjali, u li dwaru fil-passat, id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali għamel studju ta’ kif dan il-ftehim għandu jiġi aġġornat f’każ li l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit ma jilħqux ftehim fuq is-Sigurtà Soċjali.
“Jidher iżda li kemm l-Unjoni Ewropea kif ukoll ir-Renju Unit qegħdin jaħdmu mill-qrib biex jintlaħaq l-għan li jsir ftehim ibbażat fuq ir-regolamenti li hemm fis-seħħ bħalissa f’dan il-qasam, u għalhekk wieħed jistenna li l-impatt fuq il-Maltin li jgħixu fir-Renju Unit bħalissa, kif ukoll iċ-ċittadini tar-Renju Unit li jgħixu f’Malta, se jkun wieħed minimu,” temm jgħid il-Ministru falzon.