Hekk kif aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed iqumu inċertezzi dwar Brexit l-kumpanija li tbigħ il-propjetà Frank Salt organizzat seminar għall-Ingliżi li qed jgħixu f’pajjiżna bit-tema Malta, a Brexit solution.
Graham Salt wieħed mid-diretturi tal-kumpanija spjega li s-suq Brittaniku huwa wieħed mis-swieq ewlenin f’pajjiżna u minħabba n-numru kbir ta’ persuni mir-Renju Unit li jgħixu f’pajjiżna ħassew il-bżonn li jorganizzaw dan is-seminar informattiv.
James Marwick, Ingliż li ilu jgħix f’pajjiżna għal dawn l-aħħar ħmistax-il sena spjega li fost iċ-ċittadini hemm ħafna inċertezzi madankollu laqgħu l-impenn tal-Gvern Malti fl-isfond ta’ dak li qed jiġri.
Għal dan is-seminar attenda wkoll il-Prim Ministru Joseph Muscat fejn reġa tenna l-impenn tiegħu u tal-gvern u sostna li jiġri x’jigri, l-ebda ċittadin tar-Renju Unit m’hu se jitlef xi dritt li diġà għandu.
Fid-diskors tiegħu l-Prim Ministru Joseph Muscat fakkar kif minkejja għad m’hemmx konklużjoni ċara dwar fejn se jmur Brexit Malta ħasbet għal kull eventwalita possibbli.
Qal li numru ta’ dipartimenti fi ħdanu bħad-Dwana ħejjew u nvestew sabiex jkunu jistgħu jaqdu l-irwol tagħhom bl-aħjar mod possibbli. Il-Prim Ministru qal li l-kabinett qabel li f’każ ta’ Brexit mingħajr ftehim kull ċittadin Inliż li qed jgħix f’pajjiżna se jkun jista’ jibqa’ jirċievi s-servizzi kollha li qed jirċievi bħalissa fosthom saħħa u edukazzjoni b’xejn.
Dan sar mhux biss jiġu ssalvagwardjati dawn in-nies iżda sabiex il-Gvern seta’ jserraħ moħħ in-negozji li Malta ma kinitx se tneħħi d-drittijiet lil uħud mill-ħaddiema tagħhom.
Apparti dan, l-Gvern Malti waqqaf taskforce bil-għan li tippromovi lill-Malta sabiex tattira negozji li jkunu se jitilqu mir-Renju Unit. Spjega li dan sar sabiex dawn il-kumpaniji jkun jista’ jkollhom l-opportunità li jkollhom aċċess għas-suq komuni Ewropew filwaqt li jkunu jistgħu joperaw f’sistema leġislattiva simili għal dik li kienu għadhom kif telqu minnha.
Huwa tenna wkoll l-impenn tal-kumplament tal-pajjiżi tal-Unoni Ewropea li jridu lir-Renju Unit jinqata’ minn mal-Unjoni bi ftehim u kien għalekk li f’April li għadda qablu li jipposponu l-ġurnata ta’ tluq sa Ottubru li ġej.