In-negozjatur ewlieni tal-Unjoni Ewropea, Michel Barnier qal li fadal biss ftit sigħat fit-taħditiet bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit dwar ftehim għal wara li jintemm il-perjodu tranżitorju ta’ Brexit, madanakollu iż-żewġ naħat qed ikomplu jinsistu li għad hemm ostakli kbar sabiex jintlaħaq ftehim qabel għeluq din is-sena.
Dawn it-taħditiet tkomplew hekk kif fil-jum tal-Ħamis il-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson u l-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen reġgħu tħaddtu dwar in-nuqqas ta’ qbil.
Johnson sostna li Brexit mingħajr ftehim qed isir aktar possibbli hekk kif id-diskussjonijiet mhuma qed iwasslu għal imkien.
Min-naħa tagħha von der Leyen qalet illi n-negozjati bejn iż-żewġ naħat, partikolarmet dwar id-drittijiet tas-sajd, qed isiru ferm aktar diffiċli.