Is-Sibt filgħaxija fir-Rabat, Għawdex, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar kif taħt Gvern Laburista ġdid, b’regola, in-negozji f’Għawdex se jgawdu b’għaxra fil-mija iżjed.
“F’Għawdex li se nkunu qed nagħmlu huwa, l-inċentivi kollha li ngħataw lil min hu fin-negozju f’Malta, u negozji li qegħdin f’Għawdex, għan-negozji f’Għawdex dak l-inċentiv se jkun b’għaxra minn mija oħra. Diġà nagħtu inċentivi u diġà għandna regola li f’Għawdex ġeneralment ikun hemm aktar iżda issa llum għadna kif ikkommetejna li bħala regola ġenerali dawk l-inċentivi se jkunu aktar minn għaxra fil-mija tal-istess inċentivi għan-negozji li kienu stabbiliti f’Għawdex.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru qal li taħt Gvern Laburista ġdid ir-rata ta’ tkabbir f’din il-gżira se tibqa’ tiżboq lil dik ta’ Malta.
“Jekk il-poplu Għawdxi jerġa’ jagħtina l-fiduċja tiegħu, inwiegħed li r-rata ta’ tkabbir f’Għawdex se tkompli tiżboq dik ta’ Malta.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
F’messaġġ b’saħħtu l-Prim Ministru wassal kelma ta’ serħan il-moħħ lill-Maltin u l-Għawdxin, partikolarment fejn jidħlu l-prezzijiet tal-enerġija.
Dan anke fid-dawl tal-kriżi fl-Ukrajna, li fi kliem il-Prim Ministru, minkejja li tinsab ’il bogħod minn pajjiżna, xorta jista’ jkollha impatt fuqna.
Qal li fejn hemm impatti, il-piżijiet mhux se jintefgħu fuq in-nies.
“Għalhekk kif f’pandemija, konna madwar in-nies biex nipproteġuhom, hekk se nkomplu nagħmlu. Għamilna l-analiżi f’dawn l-aħħar jiem, fejn rajna x’impatt jista’ jkollha, u rajna x’impatt jista’ jkollha fost l-oħrajn fuq in-nies tal-kummerċ li għandhom investimenti anke fir-Russja, u meta rajna s-sitwazzjoni b’mod inkomplessiv rajna li l-impatt hawnhekk mhux mistenni li jkun wieħed sinifikanti, iżda għal dawk li jintlaqtu, niżguraw li nkunu hemm u nagħtu l-appoġġ kollu li hemm meħtieġ.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru qal kif dan il-Gvern verament wera biċ-ċar li jemmen fil-qasam ambjentali f’pajjiżna, partikolarment f’Għawdex.
Hawnhekk huwa semma l-proposta fil-Manifest Elettorali tal-Parit Laburista li se tara żona fil-qalba tal-belt Victoria tinbidel f’żona ħadra u miftuħa għall-familji Għawdxin u Maltin.
Ma naqasx li l-Prim Ministru jsemmi l-investiment ta’ tliet miljun u tliet mitt elf ewro tal-proġett ta’ rijabilitazzjoni tal-Qortin fix-Xagħra.
Robert Abela semma wkoll l-investimet massiċċ li sar f’Għawdex sabiex tissaħħaħ il-konnetivita, fosthom is-servizz tal-fast ferry.
Semma wkoll l-inċentivi li hemm min jixtri proprjetà f’Għawdex.