Fi tmienja u erbgħin siegħa l-amministrazzjoni tal-Partit Nazzjonalista tilfet it-tieni membru tagħha. Din id-darba kien imiss it-teżorier David Camilleri li ħabbar ir-riżenja tiegħu f’kitba twila fuq Facebook.
Flimkien ma David Stellini ġie magħruf li David Camilleri ma kellux dritt li jivvota fl-elezzjoni għas-siġġu vakanti fuq id-distrett ta’ Għawdex madankollu bħal kumplament tal-membri huwa ngħata d-dritt tal-vot.
Camilleri spjega li David Stellini tkellem fil-bidu tal-laqgħa fejn, wara li għamel ir-ringrazzjamenti tiegħu, huwa stqarr li lest jibqa’ jokkupa l-kariga ta’ President tal-Amministrattiv. Dan intlaqa’ b’akklamazzjoni u skont Camilleri deher li ħadd mid-disgħin membru ma ġietu f’moħħu li dik il-kariga kienet marbuta mas-siġġu ta’ membru parlamentari. Hawnekk Camilleri ddikjara li dan kollu juri li min qed jipprova jgħid li David Stellini għamel dan b’xi skop ħażin, huwa żbaljat għal kollox jew inkella għamel dan b’mod malizzjuż.
L-eks teżorier qal li qabel l-elezzjoni ta’ nhar is-Sibt, kemm Kevin Cutajar kif ukoll Jean Pierre Debono ċemplulu biex jispjegaw ir-raġunijiet tagħhom għalfejn għandhom ikunu eletti. Hawnekk rrimarka li l-ħaġa turi li ż-żewġ kandidati kellhom il-lista tal-votanti eleġibbli u li kienet tinkludi ismu, u naħseb ukoll ta’ David Stellini. Camilleri staqsa wkoll kif waqt ir-rimarki tiegħu ħadd mill-81 membru ma ieħor preżenti ma qal li t-teżorier m’għandux vot.
Fakkar ukoll kif ġaladarba l-vot kien sigriet huwa ma jafx fuq liema bażi kulħadd qed jassumi kif ivvota huwa jew kif ivvota David Stellini. Sostna li l-vot huwa sigriet u jemmen li għandu jibqa’ hekk.